Saturday, December 21, 2024

Fl-ewwel sigħat tal-invażjoni r-Russi kienu viċin ħafna li jaqbdu jew joqtlu lil Zelenskiy

Aqra wkoll

F’waħda mill-intervisti riċenti li l-President Ukren Volodymyr Zelenskiy kellu ma’ midja internazzjonali, huwa tkellem dwar kif fl-ewwel sigħat tal-invażjoni tal-Ukrajna t-truppi Russi kienu viċin ħafna li jaqbduh u possibbilment joqtluh. 

Illum il-ġurnata Zelenskiy huwa persuna rispettata ħafna għall-mod qalbieni ta’ kif qiegħed jiddefendi lil pajjiżu kontra l-invażjoni Russa, iżda kieku rnexxa l-pjan inizjali tar-Russja kieku hu żgur li m’għadux fil-kariga.

Meta kien qiegħed jitkellem f’intervista ma’ Time magazine Zelenskiy qal li l-memorji tiegħu tal-ewwel sigħat tal-kunflitt huma “frammentati”, iżda jiftakar kif it-truppi Russi bdew attentat biex jaħtfu d-distrett governattiv ġewwa l-kapitali Ukrena Kiev. Huwa tenna li hu u l-familja tiegħu kienu reqdin xħin beda l-assalt Russu, u qal li hu flimkien ma’ martu Olena Zelenska qajmu lit-tifla tagħhom li għandha 17-il sena u lit-tifel ta’ disa’ snin u qalulhom biex jipprepraw ħalli jitilqu mid-dar. Huwa qal li l-isplużjonijiet kienu qawwijin ħafna. 

Dakinhar il-militar tal-Uk­rajna kien għarraf lil Zelenskiy li tim ta’ suldati speċjali Russi kienu daħlu ġewwa Kiev permezz ta’ parachutes, u l-għan kien li jaq­bdu jew joqtlu lil Zelenskiy u familtu. Ġara li hekk kif ġew interċettati, l-uffiċjali tas-sigurtà tal-President tfew id-dwal kollha u pprovdew ġkieket bulletproof u anke armi lil Zelenskiy u lil dawk qrib tiegħu. Intqal li minn dawk qrib tiegħu, wieħed biss kif jaf juża l-armi hekk kif dan kien veteran tal-gwerra. Zelenskiy qal li s-sitwazzjoni kienet kaotika hekk kif kulħadd ingħata arma awtomatika. 

Jidher li r-Russi għamlu żewġ attentati biex jidħlu fir-residenza ta’ Zelenskiy u familtu hekk kif dawn kien għadhom ġewwa. Dan l-attakk kompla għaddej ħin twil f’liema ħin Zelenskiy irrifjuta offerti li jittieħed f’post iktar sigur, u anke evakwazzijiet min-naħa tal-Is­tati Uniti u r-Renju Unit. Kieku aċċetta, Zelenskiy seta’ jwaqqaf gvern mill-ażil. Wara dan l-episodju u hekk kif is-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll, Zelenskiy kien għamel il-filmat famuż fuq il-mobile tiegħu fil-biħa tal-post fejn seħħ dan kollu. 

Ekonomija

Sport