Fi stqarrija maħruġa l-OHSA spjegat li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena saru 4,318 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol. Dawn l-ispezzjonijiet kienu jinkludu intrapriżi varji, siti tal-kostruzzjoni u servizzi oħra. L-uffiċjali li wettqu dawn l-ispezzjonijiet josservaw aspetti varji waqt l-attività fuq il-post tax-xogħol u jieħdu azzjoni skont il-livell ta’ riskju fil-post.
Il-ħidma fuq 400 post tax-xogħol twaqqfet immedjatament minħabba li s-sitwazzjoni fil-post kienet fil-periklu li jseħħ inċident jew li saħansitra jmutu persuni. F’dan il-każ jinħarġu multi jew saħansitra jittieħdu passi legali.
F’dan l-istess perjodu nħarġu 258 multa amministrattiva li jvarjaw bejn il-€250 u l-€1000. Il-maġġoranza ta’ dawn il-multi nħarġu minħabba nuqqas ta’ miżuri li jipprevjenu waqgħat mill-għoli.
F’sitwazzjonijiet fejn il-periklu mhuwiex daqstant ta’ periklu li jikkawża inċidenti, jinħarġu ordnijiet biex ikun hemm titjib f’perjodu stipulat.
Sar ittestjar ukoll fuq 3,380 apparat u b’rabta ma’ dan se jkun hemm individwi li se jkunu qed jaffaċċjaw proċeduri legali minħabba ksur fil-liġi.