Saturday, December 21, 2024

FL-IMĠARR, L-ART AGRIKOLA HI L-PRIJORITÀ

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Raħal twelidi, l-Imġarr, dejjem kien sinonimu mal-agrikoltura. Dal-mestier, mgħoddi lilna minn ġenerazzjoni għall-oħra, dejjem pprovda lill-bqija tal-poplu bi provvista ta’ frott u ħaxix bnin, provvista li għadha kruċjali sal-lum il-ġurnata. 

Dejjem niftakar f’dan iż-żmien tas-sena bħala wieħed ta’ ċelebrazzjoni ġewwa l-Imġarr, speċjalment minħabba l-festa ta’ Santa Marija Assunta. Din is-sena, iżda, lil hinn mir-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-pandemija, il-familji Mġarrin għandhom tħassib ġdid: il-proġett ta’ solar farm li ser ikun qed jieħu madwar ħamsin tomna fiż-żona tar-Ragħad. 

Din il-proposta tinkwieta lill-Imġarrin għal diversi raġunijiet. Il-bdiewa, bir-raġun, qed jaraw l-art agrikola tkompli titnaqqar, xi ħaġa li ilha sseħħ għal dawn l-aħħar snin. Ghalkemm hu propost li z-zona tista’ xorta wahda tintuza ghall-agrikoltura taht il-panelli, diversi studji urew li tkabbir ta’ prodotti ma hux possibli f’dawn il-kundizzjonijiet. Ir-residenti imbagħad qed iqisu li dal-proġett massiċċ se jibdel kompletament il-karattru rurali ta’ dan ir-raħal. Bħala persuna li trabbiet l-Imġarr, naf li l-ġmiel tiegħu jinsab fil-paċi u s-serenità li joffri, mdawwar bl-għelieqi u l-għoljiet. Ma nistax ma ningħaqadx ma’ sħabi l-Imġarrin kontra dan il-proġett li, jekk jiġi approvat, jista’ jkollu diversi impatti soċjali u ekonomiċi, mingħajr ma nsemmu l-aspett ambjentali tiegħu wkoll. 

L-impatt soċjo-ekonomiku jmur lil hinn mill-agrikoltura, u jinkludi wkoll l-aspett tal-ekonomija tal-proprjetà tal-madwar. Dan ghaliex solar farm se jibdel għal kollox il-veduta tad-diversi proprjetajiet li jiċċirkondaw din iż-żona, u effetivament jista’ jaffetwa l-valur taghhom. 

Nagħmilha ċara: l-enerġija solari u rinovabbli hi neċessarja u ta’ min wieħed jinvesti fiha, speċjalment fid-dawl tal-kriżi tal-klima li issa qiegħda magħna u tinħass sew. Iżda dal-proġett mhux il-mod ta’ kif nagħmlu dan.  

Il-bżonn li nħarsu l-art agrikola u x-xagħri, bil-biodiversità kollu tiegħu, f’dal-każ għandu jieħu prijorità fuq kwalunkwe żvilupp. Din l-art u dak li nieħdu minnha tifforma parti ċentrali mill-qafas Ewropew tal-Green Deal, u l-Farm to Fork Strategy, li jitkellmu dwar il-bżonn li nkomplu nsostnu l-ekonomija agrikola sabiex nassiguraw provvista ta’ ikel lokali. Għaldaqstant, hu kruċjali li l-art agrikola tkompli tintuża għall-biedja, u ma titnaqqarx iktar milli diġà rajniha tittieħed. 

Ejja ninvestu b’għaqal fi proġetti ta’ solar farms f’żoni industrijali u żviluppati, sabiex nilħqu l-miri ta’ sostennibilità li jirrigwardjaw it-tibdil fil-klima. Ejja, fl-istess ħin, ningħaqdu mal-bdiewa u r-raħħala tagħna u nħarsu l-art li għal tant snin ħadet ħsiebna. 

Ekonomija

Sport