Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?
Kbirt f’familja fejn it-talb u l-quddiesa kienu dejjem prioritá għall-ġenituri tiegħi. Nhar ta’ Ħadd kienet dejjem immarkata b’quddiesa u ħarġa qasira għal xi kafe’ u pastizz eżatt wara. Ukoll, meta kont iżgħar kont nattendi l-MUSEUM tal-Għargħur. Hemm konna nqattgħu ħin fit-tagħlim, logħob u għajnuna lis-superjur u s-soċji ta’ dak iż-żmien; għandi memorji sbieħ ħafna! Ġieli kont ningħaqad ukoll ma’ tal-MUSEUM għall-quddiesa tal-Ħadd filgħodu li kienet tkun hekk imsejjħa “għat-tfal” li fiha konna naqraw u ngħinu xi ftit fl-animazzjoni tagħha. Dan kollu wassalni biex qatt ma neskludi l-fatt li jaf inkun imsejjaħ għas-saċerdozju. Pero’ għal ħafna snin kienet xi ħaġa li kont inwarrab fil-ġenb u nimla’ b’ħafna ħolm ieħor.

U għaiex għażilt li tkun proprju Sależjan ta’ Don Bosco?
Mill-MUSEUM għaraft li huwa possibli li tkun edukatur u fl-istess ħin tibqa’ viċin it-tfal. Meta dħalt Savio College bħala student imbagħad ġejt wiċċ imb’wiċċ ma’ kariżma li ħallietni marbut magħha – ħassejtni ħaġa waħda magħha li nitbiegħed kemm nitbiegħed minnha, kienet toħodni lura lejha. Fil-btieħi tal-iskejjel u l-oratorji tagħna dejjem stajt nara salesjani li kienu jqattgħu ħin jitolbu, jitkellmu, u jilgħabu magħna. Pero’ esperjenzi li akkumpanjaw ħafna d-dixxerniment tiegħi kienu dawk tal-mumenti informali ġewwa Savio College bħal live-ins u attivitajiet oħra, u s-snin li għamilt ġewwa St Patrick’s f’Tas-Sliema fejn hemm komplejt nifhem aħjar x’ried jgħid Don Bosco li bħala salesjani il-prioritá għalina hi li naħdmu mat-tfal, b’mod speċjali dawk l-iktar fil-bżonn. Magħhom bla ma trid tikber fl-umilta’ u f’rieda ġenwina li tagħti ftit lura minn dawk il-ħafna grazzji li tkun irċivejt.
Bħala Sależjani żgur li tinsabu onoarati bl-aħbar riċenti li Fr Fabio Attard inħatar bħala Rettur Maġġuri tas-Sależjani. X’taħseb?
Bla ebda dubju li onorat jien u sħabi s-Sależjani – u kif ngħid lil min jistaqsini l-istess mistoqija: ngħid hekk, mhux għax nofsni Għawdxi jien stess, imma għax naf xi kwalitajiet u valuri jħaddan Fr Fabio innifsu – bniedem ta’ għerf u esperjenza magħquda ma sens ta’ umilta’ kbira! Bniedem li bħal ragħaj tajjeb għandu għall qalbu r-relazzjoni intima’ mal-Mulej waqt li ħarstu qegħda wkoll fuq dik in-nagħġa li xi drabi issib ruħha weħidha jew imwarrba.
Imbagħad hemm ukoll dak is-sens ta’ viċinanza miegħu, li dakinhar tal-ordinazzjoni nirċievi messaġġ ta’ awgurju mingħand Fr Fabio, kelli nfakkar lili nnifsi li dan mhux biss il-Fr Fabio li tant iċċajtajna flimkien fil-komunitajiet tagħna (u hekk se jibqa’ għalina) imma kien ukoll propju ir-Rettur Maġġur, lilu kont għadni kemm irrispondejt jien u dieħel il-Kon Katidral nhar is-Sibt stess!
Naf li għandek ukoll imħabba kbira lejn l-isport speċjalment lejn l-atletika. Kemm tgħinek din b’mod psikoloġiku fost oħrajn?
L-atletika sibtha għodda importanti ħafna għalija għal bosta raġunijiet! Pero’ għall mistoqsija tiegħek, b’mod psikoloġiku tgħinni ħafna għaliex tlaqqani ma’ ħafna nies minn realitajiet differenti tal-ħajja li minnhom nitgħallem ħafna. Ukoll, insib li l-ġiri jagħtini opportunita’ fejn ma nimxix wisq bl-aptiti għaliex bħal kull ħaġa oħra, ir-riżultat jasal sforz is-sagrifiċċji u l-impenn li wieħed jitfa’. Ukoll, il-ġiri jservini bħala ħin ta’ meditazzjoni, talb, riflessjoni u gratitudni lejn Alla għal dak kollu li berikni bih, afdani bih, u ħalaq madwari.
Min hu Kristu għalik?
Kristu huwa l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Permezz tiegħu jien ukoll nista’ nsalva. Għalkemm tinstema’ ‘a text book answer’ – dik hi l-verita’… apparti s-salvazzjoni li kiseb għalina Hu darba għal dejjem, huwa wkoll mudell ta’ ħajja nisranija f’kull aspett – fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, mal-umanita’ u mal-kumplament tal-ħolqien.
Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?
Din hi x-xewqa tiegħi. Fl-imitazzjoni ta’ Kristu nixtieq li primarjament inkompli nibni relazzjoni soda ma’ Alla kemm bit-talb imma wkoll bl-opri ta’ ħniena. Kristu mhux talli ma rriffjutax imma talli fittex li jkun assoċjat ma’ dawk kollha li s-soċjeta’ kienet tqis bħala żejda, ħmieġ, ikkastigati, ittimbrati.
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja sacerdotali?
Mal-mistoqsija nixtieq inżid… ħajja saċerdotali bħala Sależjan. Togħġobni ħafna l-għotja sħiħa ta’ ħajja reliġjuża li tiġi espressa bil-ministeru saċerdotali. Il-fatt li d-djar tagħna jilqgħu fihom ħafna tfal u żgħażagħ, tagħmilha wkoll iktar possibli li dawn jaċċessaw s-sagramenti tal-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni – b’hekk inkunu mezz li permezz tiegħu tissaħħaħ r-relazzjoni ma’ Alla għal dawn l-istess tfal u żgħażagħ.
L-iktar li tbeżżgħani hi li nsib lili nnifsi komdu, li nitbiegħed minn dak li jagħmilni skomdu, u ndawwar lili nnifsi b’kumditajiet li ma jħallunix nistaqsi, nirrifletti u nikber iktar.
Ma tistax xorta tagħmel il-ġid fis-socjetà u tiżżewweg jew tibqa’ ġuvni. Hemm bżonn issir qassis? X’jagħmel lill-qassis differenti?
M’huwiex biss il-qassis li jagħmel ħafna ġid. Don Bosco stess u naturalment il-Knisja wkoll, tati valur kbir għas-sehem tal-lajċi fil-Knisja. Don Bosco ħoloq ħafna gruppi fi ħdan il-familja salesjana biex flimkien mas-salesjani reliġjużi iżommu l-ħidma mat-tfal u ż-żgħażagħ, l-iktar il-fqar, ħajja. Mela, le, m’hemmx għalfejn issir qassis biex tagħmel il-ġid – hemm ħafna u ħafna adulti u familji li joffru ħajjithom b’mod differenti biex jagħmlu l-ġid! Il-qassis huwa biss strument f’idejn Alla biex waqt li jkompli jaħdem fuqu nnifsu, jagħmel minn kollox biex jqarreb lill-Poplu t’Alla iktar lejH – b’mod speċjali bl-amministrazzjoni tas-sagramenti.

Xtaqt ikollok familja tiegħek jew għażilt li ssir saċerdot għax tibża’ mill-fatt li jkollok familja?
Mistoqsija tajba pero’ m’għandi l-ebda dubju li l-ebda vokazzjoni mgħixha tajjeb ma tista’ tkun ħarba minn xi ħaġa oħra.
Xi ħaġa li kienet baqgħet tidwi f’widnejja minn wieħed mid-diretturi spiritwali tiegħi kienet: ma tistax tkun salesjan tajjeb jekk ma kontx tkun missier tajjeb!
Konxju tal-ħafna sfidi kbar li jaffaċċjaw il-familji, u verament għandi għal qalbi u ammirazzjoni kbira għall-ħafna koppji żgħar li naf li jinsabu f’mixjiet u stadji differenti fil-ħajja tagħhom. Mhux żmien faċli li wieħed jikkommetti imma inħoss li kieku il-ħajja miżżewġa kienet il-vokazzjoni tiegħi, il-Mulej kien iwassalni għaliha Hu.
Ghaliex tahseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagh li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?
Għandek minn kollox. Għandek żgħażagħ u anke adulti li għadhom ifittxu li jkunu nvoluti fir-realtajiet tal-Knisja, anke b’relazzjoni sabiħa mas-saċerdot, li hu ukoll jibqa’ uman! Naturalment għandek oħrajn li għalissa m’għandhom l-ebda ħajra li jagħmlu dan. Imma nemmen li ladarba żagħżugħ jew żagħżugħa j/tgħix esperjenza posittiva fi grupp ta’ nies li bħalhom qegħdin fi tfittxija għal ħajja bis-sens, il-mistoqsija imbagħad tajjeb li ddur għal: ‘għaliex damu daqshekk biex resqu lejn il-Knisja jew lejn is-saċerdot?’
Għaddi messaġġ finali lil min qed jiddixxerni biex isir qassis fosthom lil dawk li jixtiequ jidħlu mas-Sależjani.
L-ewwel nett, Alla għamlek dak li inti – għalhekk permezz tat-talenti u l-kwalitajiet li żejnek bihom, minnek qed jistenna affarijiet kbar. Għalkemm wieħed tajjeb li jkompli jikber u jirrifletti, ma jitlob minn ħadd li jitlef l-identita’ tiegħu u li jidħol f’xi template fissa.
Meta fil-mixja vokazzjonali ltqajt ma’ affarijiet li ġegħluni nistaqsi, staqsejt u komplejt infittex, imma dejjem żammejt f’moħħi żewġ kelmiet li saċerdot salesjan kien jirrepeti ħafna: “sempre avanti” – fi kliem il-Madonna lil Don Bosco ta’ disa’ snin: “’l quddiem għad tifhem kollox!” God’s timing is never early or late; it is precise and always worth the wait! Kull għażla fil-ħajja tiġi sfidata b’ħafna diffikultajiet. Il-ħajja reliġjuża u saċerdotali, għalkemm għandha ħafna sabiħ, ma taħrabx din ir-realta’!
Alla jitkellem b’ħafna modi – fil-mumenti tat-talb, fl-esperjenzi tal-ħajja tagħna u ta’ ħaddieħor, u f’sitwazzjonijiet li jitolbuna nagħmlu qabża fid-dlam li joħorġuna mill-comfort zones tagħna. Għalhekk kull ma jiġi għalina, nitgħallmu neħduh minn idejn Alla.