Il-Pulizija f’Mumbai, l-Indja, arrestat raġel b’rabta ma’ attakk b’sikkina li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fuq l-attur ta’ Bollywood Saif Ali Khan.
Khan safa aggredit b’sikkina f’daru stess, f’attakk li ħasad lill-pajjiż. Huwa bħalissa għadu qed jirkupra wara li saritlu operazzjoni.
Matul il-jum tal-Ħadd, il-pulizija qalet li ġie arrestat is-suspettat ewlieni, Mohammad Shariful Islam Shehzad – ċittadin mill-Bangladesh u li kien qed joqgħod l-Indja illegalment. Min-naħa tiegħu, l-Avukat ta’ Shehzad ċaħad dawn l-allegazzjonijiet fejn sostna li l-klijent tiegħu ma kienx mill-Bangladesh.
Il-Pulizija qalet li Shehzad kien arrestat f’Thane, distrett li jinsab fil-periferija ta’ Mumbai. Evidenza preliminari tissuġġerixxi li huwa mar f’din il-belt madwar sitt xhur ilu u li kien qed jaħdem f’aġenzija tad-djar billi kien qed juża isem u karta tal-identità falza.
Il-Pulizija qiegħda tissuspetta li Shehzad allegatament daħal fid-dar ta’ Khan bl-intenzjoni li jisirqu. Il-Ħadd li għadda, il-Qorti f’Mumbai ordnat li Shehzad jinżamm taħt il-kustodja tal-pulizija għal ħamest ijiem.