Monday, November 4, 2024

Fl-Indoneżja: Min jagħmel is-sess barra ż-żwieġ jista’ jeħel sa sena ħabs

Aqra wkoll

Il-Parlament tal-Indoneżja approva l-kodiċi kriminali ġdid li se jagħmel is-sess barra ż-żwieġ punibbli sa sena ħabs. Dan qed isir bħala parti minn sensiela ta’ bidliet li l-kritiċi qed jgħidu li se jkomplu jnaqqru mid-drittijiet tan-nies. 

Il-Kodiċi Kriminali l-ġdid mhux se jidħol fis-seħħ qabel tliet snin oħra u se jinkludi wkoll il-projbizzjoni fuq min jinsulenta lill-President u jitkellem kontra l-ideoloġija tal-istat. 

Id-dimostranti kienu għamlu dimostrazzjonijiet żgħar barra l-Parlament f’Jakarta din il-ġimgħa. Il-kodiċi, li se japplika kemm għall-Indoneżjani kif ukoll għall-barranin, jinkludi diversi liġijiet ta’ “moralità” li jagħmluha illegali li koppji mhux miżżewġin jgħixu flimkien u jagħmlu s-sess.

Gruppi favur id-drittijiet qed jgħidu li dan se jaffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa, lin-nies LGBT u lill-minoranzi etniċi f’dan il-pajjiż. Is-sieħeb jew il-ġenituri ta’ persuna jistgħu jirrappurtawhom għar-reat ta’ sess barra ż-żwieġ. L-adulterju se jitqies ukoll reat li għalih in-nies jistgħu jintbagħtu l-ħabs. 

Intant, liġijiet ġodda dwar il-malafama se jagħmluha illegali li n-nies jinsulentaw lill-President jew jesprimu opinjonijiet kontra l-ideoloġija nazzjonali. Madankollu, il-leġiżlaturi qed jgħidu li żdiedu d-difiżi għal-libertà tal-kelma u l-protesti li saru fl-“interess pubbliku.” 

Sport