Impjegati li joqogħdu fil-belt kapitali tal-Indoneżja bħalissa qegħdin jaħdmu mid-dar. Dan hekk kif fil-pajjiż daħlu fis-seħħ miżuri li huma mmirati sabiex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku u b’hekk allura t-tniġġis tal-arja jittaffa.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-kwalità tal-arja f’Jakarta, iddeterjorat għal livelli perikolużi. Il-kumpanija tat-teknoloġija Żvizzera IQAir ikklassifikat il-belt ta’ Jakarta bħala l-aktar belt imniġġsa fid-9 ta’ Awwissu li għadda.
Il-President tal-pajjiż, Joko Widodo appella għal intervent urġenti tal-Gvern sabiex issir laqgħa ta’ emerġenza tal-kabinett tal-Ministri, fejn fiha jiddiskutu t-tniġġis tal-arja li qed imur għall-agħar. Huwa appella wkoll lill-ħaddiema biex itaffu l-konġestjoni tat-traffiku u dan billi jaħdmu mid-dar.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministri fil-pajjiż tax-Xlokk tal-Asja kkonfermaw li l-President Widodo kien ilu ġimgħat jiġġieled is-sogħla. L-istess Ministri qalu li l-istess sogħla tista’ wkoll tkun relatata mat-tniġġis tal-arja.
F’kumment li ta lil ġurnalisti, il-Ministru għat-Turiżmu tal-Indoneżja Sandiaga Uno qal li l-gvern qed iħares lejn “passi konkreti” biex itejjeb il-kwalità tal-arja ta’ Jakarta fit-tul.