Friday, November 15, 2024

Fl-Ingilterra: Jintbagħat għomru l-ħabs wara li wassal għall-qtil ta’ ibnu ta’ seba’ ġimgħat

Aqra wkoll

Missier intbagħat il-ħabs għal għomru wara li nstab ħati li wassal għall-qtil tat-tarbija tiegħu stess kawża ta’ vjolenza fiżika u emozzjonali. Minn awtopsja li saret fuq il-katavru tat-tarbija rriżulta li l-iben, Abel-Jax, kellu bosta ksur fil-kustilji u emorraġija f’moħħu li saru fuq firxa ta’ jiem ftit qabel ma’ miet it-tifel.

Kien f’Diċembru li għadda illi l-akkużat ammetta li kien ħati ta’ qtil involontarju.

Il-Qorti ta’ Preston Crown semgħet kif Oliver Mailey, raġel ta’ 26 sena minn Burnley, f’Novembru li għadda kkawża feriti ta’ natura serja f’ras ibnu — li kien għad kellu biss seba’ ġimgħat — tant li wasslu għall-mewt tat-tifel.

Il-midja Ingliża Metro rrappurtat li jum minnhom, waqt li Mailey kien qed jieħu ħsieb it-tarbija tiegħu u tal-partner tiegħu Mollie Gourton, sakemm hi kienet qiegħda x-xogħol, l-omm ftit tal-mumenti wara li waslet fuq il-post tax-xogħol rċeviet telefonata mingħand is-sieħeb tagħha li għarrafha illi binhom Abel ma kien qed iġib ruħu b’mod stramb. Hija bdiet twerżaq u qalet lil Mailey biex iċempel għall-ambulanza mill-iktar fis possibbli. Huwa ngħata struzzjonijiet biex jamministra s-CPR fuq it-tarbija minnufih sakemm ma jasal tim mediku fuq il-post.

Aktar tard Abel ittieħed ir-Royal Blackburn Hospital. Hemmhekk Mollie bdiet tippressa lill-partner tagħha biex jagħtiha iktar dettalji dwar kif ġara l-każ. Min-naħa tiegħu, Mailey ċaħad li kellu x’jaqsam ma’ dak li ġara lil binhom, u agħar minn hekk beda jħarref biex jipprova jgħatti xturu, fejn insista li t-tifel ma bediex iħossu sew ftit wara li ngħata l-ħalib — verżjoni li sostnieha wkoll quddiem it-tobba tal-Emerġenza.

It-tifel, li kien jinsab f’qagħda kritika, ġie trasferit fi sptar ta’ tfal però sfortunatament miet tlett ijiem wara. Iż-żewġ ġenituri ġew arrestati fuq suspett ta’ vjolenza fiżika kif ukoll fuq attentat ta’ qtil ta’ binhom. Wara ġimagħtejn ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija rnexxielhom jiddeterminaw li Mollie ma kellhiex x’taqsam mal-ġrieħi li sofra Abel u ġiet dikjarata ħielsa minn kull suspett. Mailey, li kien jabbuża b’mod regolari mill-kannabis, kien iwettaq dawn l-atti vjolenti waqt li s-sieħba tiegħu tkun ix-xogħol.

Fil-Qorti ngħad ukoll li l-evidenza turi illi Mollie kienet tħobb lil binha u kienet taqdi l-irwol ta’ omm b’mod tajjeb ħafna; kienu l-azzjonijiet tal-missier li wassluha biex titlef lil binha.

Ekonomija

Sport