Brynn Hauxwell, ġuvni ta’ 17-il sena minn Shetland, għadu kemm kiser ir-rekord hekk kif huwa l-ewwel persuna li minn fuq siġġu tar-roti rnexxielu jterraq 84 mil madwar Hadrian’s Wall.
Brynn, flimkien mat-tim tiegħu, bdew din l-espedizzjoni minn Bowness-on-Solway, f’Cumbria, fis-27 ta’ Mejju li għadda fejn vjaġġaw madwar tmien u disa’ mili kuljum għal perjodu ta’ għaxart ijiem, sakemm imbagħad laħqu l-mira tagħhom u waslu fil-post mixtieq: f’Wallsend, viċin Newcastle.
Brynn u l-kumplament tat-tim ġabru s-somma ta’ £11,000 li ngħataw bħala donazzjoni lil Ability Shetland – għaqda karitattiva li tgħin persuni b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja.