Saturday, October 26, 2024

Fl-Ingilterra: Raġel qed jiġi akkużat li qatel omm t’erbat itfal li ġiet nieqsa għaxar snin ilu

Aqra wkoll

Omm ta’ 32 sena, li ilha nieqsa għaxar snin kienet dehret l-aħħar fil-belt ta’ Bristol fl-Ingilterra f’Ġunju tal-2012. Hija kienet dehret fuq CCTV dieħla ġo pub imbagħad dehret ħierġa minn hemm għall-ħabta tal-11:15 p.m. 

Minn dak il-ħin ’il quddiem il-mara ma marritx lura d-dar u ma dehritx aktar. Kienu saru diversi tfittxijiet għaliha iżda ħadd ma raha darb’oħra. 

Raġel ta’ 40 sena ġie arrestat tliet darbiet fuq suspett li seta’ qatel din l-omm li ġiet nieqsa għaxar snin ilu. Huwa ġie arrestat fl-2019, f’Marzu tas-sena li għaddiet kif ukoll riċentament. 

Huwa reġa’ ġie arrestat wara li l-pulizija daħlitilhom informazzjoni ġdida tant li saret tfittxija fl-istess pub fejn kienet dehret l-aħħar il-mara. 

Il-pulizija għamluha ċara li din it-tfittxija ma kellha x’taqsam bl-ebda mod mas-sidien ta’ qabel kif ukoll il-ġodda li issa qed jieħdu ħsieb dan il-pub. 

Waħda mit-tfal li meta seħħ l-għajbien t’ommha kellha biss disa’ snin u llum għandha kważi 20 sena qalet x’vojt tħoss mingħar ommha li kienet twassalha kuljum l-iskola u tqatta’ ħafna mill-ħin magħha. in-nanna tagħha qalet ukoll kif wara dan l-episodju ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq, l-aktar minħabba l-fatt li ma jafux x’sar minnha. Hija spjegat x’reazzjoni jkollhom kif jaraw lil xi ħadd li jagħtiha lemħa u kif imorru jiġru għal fuq il-persuna bit-tama li tkun hi wara tant snin ifittxuha.

Sport