Il-Pulizija fl-Ingilterra għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom wara li żagħżugħ li ddaħħal l-Isptar minn membru tal-pubbliku miet fil-parkeġġ tal-istess sptar.
Il-Pulizija ta’ Devon u Cornwall issejħu ftit wara nofsillejl il-Ħadd għal inċident f’dar f’Bodmin, Cornwall. Huwa mifhum li diversi persuni ħarbu minn fuq il-post u li żagħżugħ ta’ 18 -il sena weġġa’ gravi. Huwa ttieħed l-Isptar ta’ Bodmin minn membru tal-pubbliku, iżda sfortunatament miet, hekk kif ġarrab diversi ġrieħi waqt li kien qiegħed fil-parkeġġ.
Il-Pulizija żiedet tgħid li sa issa l-vittma għadha ma ġietx identifikata formalment iżda l-qraba tiegħu ġew infurmati. Fir-rigward ta’ dan l-inċident, ġie arrestat żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed ikun suspettat bil-qtil. Ġuvni ieħor ta’ 18-il sena wkoll ġie arrestat u qed jiġi ssuspettat li wettaq serq aggravat.
F’kumment li tat lil midja internazzjonali, l-Ispettur Ilona Rosson appellat għax-xhieda u qalet li x-xewqa tagħhom hi li jisimgħu lil kull min kien fl-inħawi bejn l-10.00 p.m. tas-Sibt 22 ta’ Lulju u s-1.30 a.m. tal-Ħadd 23 ta’ Lulju sabiex jgħaddu kull tip ta’ informazzjoni.
Hija żiedet tgħid; “Nitolbu li n-nies joqogħdu lura milli jispekulaw fuq il-midja soċjali u jekk xi ħadd ikun jaf xi ħaġa li tista’ tkun ta’ għajnuna fl-investigazzjoni, il-Pulizija għandha tiġi kkuntatjata immedjatament.”