Saturday, November 23, 2024

Fl-interess kollettiv tagħna li nsaħħu l-istabbiltà fil-Libja u fis-Saħel

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa f’laqgħa ministerjali permess ta’ konferenza-vidjo tal-Koalizzjoni tas-Saħel, li saret fit-12 ta’ Ġunju 2020, u li serviet biex twaqqaf Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel.

Waqt li faħħar il-laqgħa ministerjali, il-Ministru Bartolo nnota li l-Koalizzjoni tas-Saħel tipprovdi viżibilità u effikaċja akbar għall-għajnuna maħsuba għas-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun tas-Saħel.

“L-instabbiltà fil-Libja u fir-reġjun tas-Saħel għandha impatt negattiv fuq il-Mediterran u l-Ewropa. Huwa għalhekk fl-interess kollettiv li nżommu l-Proċess ta’ Paċi tal-Mali, flimkien mar-reġjonaliżmu u l-migrazzjoni, bħala prijoritajiet ewlenin fis-Saħel,” iddikjara l-Ministru Bartolo.

Fl-intervent tiegħu, enfasizza wkoll il-fatt li l-iffinanzjar ta’ terroriżmu permezz ta’ kuntrabandu, traffikar u attivitajiet kriminali oħra jfixkel l-isforzi soċjali u ta’ żvilupp mill-komunità internazzjonali biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tas-Saħel. L-iktar mod effettiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa billi tingħata s-setgħa lill-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-ġudikatura. Dan l-aspett huwa indirizzat f’Malta permezz tal-International Institute for Justice and the Rule of Law (IIJ).

Il-Ministru Bartolo żied jgħid li s-Saħel għandu rwol importanti fis-sigurtà tal-Libja u viċi versa. L-instabbiltà f’dawn ir-reġjuni għandha effett negattiv fuq il-Mediterran u l-Ewropa. F’dan il-kuntest, huwa l-interess kollettiv li jinżamm l-Proċess ta’ Paċi fil-Mali, flimkien mar-reġjonaliżmu u l-immigrazzjoni, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fis-Saħel.

Sport