F’diversi bliet madwar l-Istati Uniti saru protesti kbar kontra l-amministrazzjoni ta’ Trump, f’dawk li huma magħrufa bħala protesti ta’ “No Kings” li qed jiġbdu lejhom miljuni ta’ nies.
L-organizzaturi saħqu li kienu qed jipprotestaw kontra politiki imposti mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump, inkluża l-gwerra fl-Iran, l-infurzar federali tal-immigrazzjoni u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
“Trump irid imexxina bħala tirann. Imma din hija l-Amerika, u s-setgħa tappartjeni lill-poplu – mhux lil dawk li jixtiequ jkun rejiet jew lill-alleati biljunarji tagħhom,” qalu l-organizzaturi.
Kelliem tal-White House ddeskriva dawn il-protesti bħala “sessjonijiet ta’ terapija kontra l-ossessjoni b’Trump” u qal li l-uniċi nies li jimpurtahom “huma l-ġurnalisti li jitħallsu biex ikopruhom.”
Tul il-jum tas-Sibt, saru dimostrazzjonijiet f’kważi kull belt ewlenija fl-Istati Uniti, inklużi New York, Washington DC u Los Angeles.
Dawk li ħadu sehem fil-protesti mlew it-toroq fiċ-ċentru ta’ Washington DC fil-ħin ta’ waranofsinhar. Id-dimostranti kienu nġabru fuq it-taraġ tal-Lincoln Memorial filwaqt li mlew ukoll in-National Mall.

