Imħallef fl-Istati Uniti ordna l-ħelsien ta’ tifel ta’ ħames snin u missieru minn ċentru ta’ detenzjoni tal-immigrazzjoni f’Texas.
Id-detenzjoni ta’ dan it-tifel kienet qajmet reazzjoni kbira fuq livell nazzjonali wara li huwa kien ittieħed taħt kustodja mir-residenza tiegħu f’Minneapolis. Missier it-tifel, Adrian Alexander Conejo Arias, kien ġie wkoll miżmum.
Wara r-rabja li kien hemm b’rabta ma’ din id-detenzjoni, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni qalu li t-tifel ma kienx fil-mira tagħhom iżda huma kienu qed iwettqu operazzjoni kontra missieru, fi kliemhom “barrani illegali” li “abbanduna” lil ibnu meta ġie avviċinat.
Is-Sibt li għadda, l-Imħallef Fred Biery laqa’ t-talba b’urġenza li kienet imressqa mill-avukat tal-familja, u ordna lill-uffiċjali tal-Gvern sabiex jeħilsu lill-missier u lil ibnu sat-3 ta’ Frar.
L-Imħallef Biery qal li d-deportazzjonijiet permezz tas-sistema tal-immigrazzjoni tal-Istati Uniti għandhom isiru b’politika aktar ordnata u umana minn dik li tinsab fis-seħħ bħalissa.


