Friday, November 22, 2024

Fl-Istrixxa ta’ Gaża

Aqra wkoll

L-attakk insensat li l-Hamas għamel fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru li għadda ta lok biex Iżrael jimbarka fuq it-tkomplija tal-pjan tiegħu li jekk jista’ jkun jeqred minn fuq wiċċ l-art lil kull Palestinjan. Jgħidu x’jgħidu l-mod kif jirreaġixxi u rreaġixxa Iżrael hekk biss jindika. Ma tistax tasal għal konklużjoni differenti meta tara dak li għaddej fl-Istrixxa ta’ Gaża. L-eluf kbar ta’ Palestinjani, nisa, xjuħ, tfal li sfaw maqtulin minn xita ta’ bombi mitfugħin mill-Qawwiet Armati ta’ Iżrael huma aktar minn prova tad-determinazzjoni u l-għan aħħari ta’ Iżrael.

Fl-opinjoni tiegħi l-attakk kundannabbli għall-aħħar min-naħa tal-Hamas litteralment serva biex il-poplu Palestinjan jispiċċa jpattiha qares. Ipattiha qares mhux ftit. Ma nistax nifhem kif jista’ jkun li l-Hamas ma stennewx x’se jkun ir-riżultat ta’ dak li għamlu. L-istorja Palestinjana mill-1948 ‘il hawn kellha aktar minn episodju wieħed ta’ din ix-xorta. Kellha aktar minn gwerra waħda. Kellha aktar minn konflitt wieħed imdemmi. F’kull episodju, f’kull gwerra, f’kull konflitt l-agħar li dejjem marru kienu l-Palestinjani. U allura għaliex l-attakk tal-Hamas fis-7 ta’ Ottubru? Għaliex lagħbu f’idejhom?

Imma sadattant għaliex traġedja bħal din ma tkunx trattata bl-istess mod kif ikunu trattati episodji tal-waħx oħrajn? Għaliex per eżempju għandu jkun hemm differenza fil-mod kif id-dinja tal-Punent, fuq quddiemnett l-Istati Uniti tal-Amerika, trattat l-invażjoni Ukrena mir-Russja? Għaliex l-Unjoni Ewropea tħares b’mod differenti lejn dan l-avveniment minn dak li għaddej bih Iżrael fuq il-poplu Palestinjan? Għaliex bħal donnu huwa aċċettabbli għad-dinja tal-Punent li jitbiċċru tfal innoċenti Palestinjani? Għaliex huwa aċċettabbli għad-dinja tal-Punent li Iżrael iwissi lill-poplu Palestinjan biex jitlaq minn parti mill-Istrixxa ta’ Gaża biex imbagħad l-qawwiet tiegħu jidħlu bil-libertà kollha jikinsuha? Ma jħallux ġebla fuq oħra. Għaliex ma nafx kemm-il sanzjoni kontra r-Russja imma xejn kontra Iżrael, anzi ġustifikazzjoni għall-barbariżmu li qegħdin iwettqu?

Iżrael jgħid li kellu jagħmel hekk, kellu jirreaġixxi kif qiegħed jirreaġixxi għax dawk il-partijiet fejn qegħdin jattakkaw u litteralment jeqirdu, jintużaw mill-Hamas. L-iżjed skuża faċli biex Iżrael seta’ jattakka skejjel, sptarijiet, moskej u kull lok ieħor. Basta jwittu kulma kien hemm.

B’dan li qed ngħid ma nixtieqx li imqar għal mument wieħed nagħtik l-impressjoni li jien favur il-pass orribbli li wettqu l-Hamas. Kompletament bogħod minn hekk. Il-vjolenza hija kundannabbli kullimkien. Iwettaqha min iwettaqha. Imma litteralment niddejjaq u nirrabja nara u naqra l-mod li bih l-Amerikani jiġġustifikaw il-ġenoċidju li qiegħed iwettaq Iżrael. Bħal donnhom ma jafux li l-vjolenza tnissel biss aktar vjolenza. Tikkawża biss aktar imwiet. Aktar traġedji imdemmijin. Aktar instabilità fir-reġjun.

Kif jista’ jkun li Iżrael ma jirrealizzax li qiegħed iwettaq fuq il-Palestinjani dak li fil-konfront ta’ niesu wettqet il-Ġermanja Nażista tul it-Tieni Gwerra Dinjija u li għalih kisbu s-simpatija tal-kumplament tad-dinja?

Kif jista’ jkun li d-dinja mhix kapaċi twassal għall-aktar punt loġiku li hemm: Koeżistenza? Żewġ pajjiżi ġirien. Għaliex kull darba li jfeġġ raġġ ta’ tama għal dan ikun hemm min idaħħal denbu biex tali tama jeqridha qabel tixxettel?
U sadattant minn jum għall-ieħor nibqgħu naraw l-atroċitajiet sakemm dawn ma jibqgħux aktar ‘aħbar’ għax isiru ġrajjiet regolari li bħal donnu hemm min qed jgħidilna li “tridu tidraw bihom”.

Għajb għall-umanità.

Inizjattiva li għandha tkun imitata

Nhar il-Ħadd li għadda minn din il-paġna faħħart u rringrazzjajt lill-Awtorità tad-Djar għal servizz partikolari eċċellenti li joffru u li esperjenzajt personalment. Illum inħoss li għandi infaħħar inizjattiva oħra, din id-darba mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Inizjattiva li titratta spjegazzjoni dwar it-tibdil li tħabbar fil-Budget 2024 li jikkonċerna l-pensjonanti li twieldu qabel is-sena 1962.

Spjegazzjoni mogħtija bl-aktar mod effiċjenti permezz ta’ messaġġ rekordjat fuq il-paġna ta’ Facebook mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musu. Il-messaġġ jidħol f’dettal dwar kif taħdem il-proċedura u għala kienet meħtieġa.
Naħseb li inizjattiva bħal din, partikularment fejn jidħlu benefiċċji mhux biss soċjali, għandha tkun imitata minn kull Ministeru. Jiġuni f’moħħi diversi regolamenti, fosthom dwar kirjiet qabel u wara dati partikolari. Regolamenti li nifhem li jekk wieħed imur fid-dipartiment konċernat jingħata spjegazzjoni dwar kif jaħdmu u kif jaffettwaw lill-individwu partikolari. Imma la darba llum teżisti l-faċilità li l-informazzjoni qegħda biss għafsa ta’ buttuna bogħod minnek jew minn xi ħadd qarib tiegħek, għaliex ma tintużax? Għalhekk ħassejt li għandi nirreferi għas-servizz li rreferejt għalih filwaqt li ngħid prosit lil Mark Musu, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal għall-mod impekkabbli li bih jispjega t-tibdil inkwistjoni.

Kull Ministeru għandu jifhem li aktar ma tagħmilha faċli liċ-ċittadin biex jsir konxju dwar dak li jikkonċerna lilu aktar ikun apprezzat il-ġid li għal sena oħra reġà ħoloq il-Budget. Iċ-ċittadin m’għandux jitħalla jitfixkel fil-ġid. M’għandux jitħalla min jipprova jaljenah minn dak dovut lilu. Għandu jkun spjegat lilu kif se jkollu aċċess għal dak dovut lilu.

Sport