Wednesday, February 19, 2025

Fl-ITS saret Career Expo għall-istudenti biex jiltaqgħu ma’ organizzazzjonijiet fi ħdan l-Industrija tat-Turiżmu u l-Ospitalità

Aqra wkoll

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ospita l-ITS Career Expo fil-kampus tiegħu f’Ħal Luqa.

Din l-expo li ġiet organizzata mill-ITS fis-snin ta’ qabel, toffri esperjenza siewja għall-istudenti attwali, u tressaqhom eqreb lejn min iħaddem fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità. L-istudenti kellhom l-opportunità li jagħmlu netwerk ma’ kumpaniji ewlenin fl-industrija, jesploraw mogħdijiet potenzjali ta’ karriera, u jiżguraw l-apprendistati tagħhom.

Bħala parti mill-avveniment, l-ITS laqgħet diversi ex-studenti għal panel ta’ diskussjoni, fejn qasmu l-esperjenzi tagħhom, il-vjaġġi tal-karriera, u l-għarfien tagħhom mal-istudenti ta’ skejjel sekondarji li kienu qed jattendu l-expo. Dan ipprovda lill-istudenti fehim aktar profond tal-opportunitajiet ta’ karrieri differenti disponibbli permezz ta’ edukazzjoni mal-ITS.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech enfasizza li l-Career Expo Expo hija mfassla biex biex tgħaqqad l-istudenti u l-industrija, u tgħinhom jibdew il-progressjoni tal-karriera tagħhom. Jgħid li l-istudenti huma mħeġġa jipparteċipaw sa mill-ewwel snin tagħhom fl-ITS, sabiex jesploraw diversi opportunitajiet fi ħdan l-industrija u jassiguraw karriera siewja.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, attenda wkoll għall-attività u ltaqa’ mal-istudenti preżenti, kif ukoll man-negozji parteċipanti. “Il-kontributur ewlieni għas-suċċess tal-industrija tat-turiżmu Maltija f’dawn l-aħħar snin huwa l-impenn, il-ħila u l-ospitalità tal-ħaddiema tagħna. Fl-isforzi tagħna biex inkabbru l-kwalità tal-esperjenza tal-viżitaturi tagħna u biex inżidu s-sostenibbiltà tal-industrija tat-turiżmu fis-snin li ġejjin, jeħtieġ li nkomplu nattiraw l-aqwa talent, filwaqt li ninvestu fl-edukazzjoni tal-ħaddiema attwali u futuri tagħna. Billi tgħin lill-istudenti jimpenjaw ruħhom ma’ kumpaniji ewlenin tal-industrija, l-ITS Career Expo qed tgħin lil dawn l-istudenti jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tal-industrija, filwaqt li jiksbu kuntatti imprezzabbli u inkoraġġiment biex jirnexxu fil-karriera tagħhom,” qal Dr Borg, waqt li faħħar lill-ITS għal din l-inizjattiva.

Dan l-avveniment saħħaħ b’suċċess il-konnessjonijiet bejn l-istudenti u l-professjonisti tal-industrija, u kompla jgħin biex inaqqas id-distakk bejn l-edukazzjoni u l-impjieg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport