Feyenoord kisbu biss it-tieni titlu tal-Eredivisie Olandiża tas-seklu bis-saħħa ta’ rebħa komda bl-iskor ta’ 3-0 kontra Go Ahead Eagles meta għat-tmiem fadal żewġ logħbiet oħra.
It-team ta’ Arne Slot kien fil-kontroll tal-logħba wara 18-il minuta grazzi għall-goals ta’ Oussama Idrissi (15) u Santiago Gimenez (18) b’Igor Paixao (54) jissuġilla r-rebħa fit-tieni taqsima.
Dan qanqal ċelebrazzjonijiet ta’ ferħ bejn il-players u l-partitarji tat-team ki kien qed jilgħab f’daru mat-tisfira finali f’Rotterdam.
Huma rebħu 16-il titlu, iżda l-2017 kienet l-uniku suċċess preċedenti tagħhom mill-1999 ‘il hawn.
Slot, li ħa t-tmexxija ta’ Feyenoord fl-2021, ġie msemmi mal-post vakant ta’ manager ta’ Tottenham Hotspur.
PSV kienu l-eqreb sfidanti tagħhom f’dan l-istaġun, b’Ajax, li l-logħba tagħhom għand Groningen ġiet abbandunata wara biss disa’ minuti minħabba tfigħ ta’ lbombi tad-duħħan fil-ground, fit-tielet post.