It-tieni edizzjoni tal-Global Semiconductor Conference Malta 2025 laqqgħet flimkien mexxejja tal-industrija, innovaturi, riċerkaturi u policy makers minn madwar id-dinja, biex jiddiskutu l-opportunitajiet u l-isfidi li qed jiffaċċja wieħed mis-setturi l-aktar kruċjali fl-ekonomija globali.
Il-konferenza serviet bħala pjattaforma ewlenija biex tenfasizza l-irwol dejjem jikber ta’ Malta fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u l-impenn ta’ pajjiżna biex ikun sieħeb ta’ fiduċja u b’viżjoni fit-tul fit-tmexxija tal-progress teknoloġiku madwar il-kontinent.
Matul is-snin, STMicroelectronics kellha sehem fundamentali fis-suċċess ta’ Malta f’dan il-qasam, b’kumpanija li kompliet tespandi l-operat tagħha fil-pajjiż u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi permezz tal-estensjoni tas-Smart Factory tagħha. Dan l-investiment — l-akbar fl-istorja ekonomika ta’ Malta — jirrappreżenta l-eċċellenza f’pajjiżna kif ukoll huwa l-pedament għal futur ta’ opportunità u tkabbir sostenibbli.
Il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni attraenti għall-investiment ġiet ikkonfermata wkoll minn rapporti riċenti ta’ EY u tal-Financial Times, li kklassifikaw lil pajjiżna fost l-aqwa fid-dinja fl-attrazzjoni ta’ investiment dirett barrani.
Hekk kif anke ġie mħabbar fil-Budget 2026 hemm diversi inizjattivi nazzjonali li qed ikomplu jsaħħu din id-direzzjoni strateġika. Bħala parti mill-impenn tal-Gvern lejn l-innovazzjoni, qed jitnieda benefiċċju fiskali ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, li jippermetti lill-kumpaniji jibbenefikaw minn tnaqqis tat-taxxa ta’ 175% fuq nefqa eliġibbli relatata ma’ riċerka u innovazzjoni. Din il-miżura hija mfassla biex tħeġġeġ aktar investiment f’attivitajiet ta’ valur miżjud.
Iċ-Ċentru Malti ta’ Kompetenza fis-Semikondutturi (Malta Semiconductor Competence Centre), b’investiment ta’ €8 miljun, kofinanzjati miċ-Chips Joint Undertakings tal-Unjoni Ewropea, li twaqqaf f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, imsieħba Ewropej u IMEC fil-Belġju, qed joffri opportunitajiet ġodda għal riċerkaturi u studenti Maltin biex igawdu minn taħriġ u faċilitajiet ta’ livell Ewropew u internazzjonali.
Fl-istess ħin, DIHUBMT qed jappoġġja start-ups u riċerkaturi f’oqsma innovattivi bħall-intelliġenza artifiċjali, is-sigurtà ċibernetika u l-high performance computer. Dan l-appoġġ qed jiġi kkumplimentat b’investiment ta’ €10 miljun fil-CALYPSO AI Factory Antenna ta’ EuroPC, li qed jgħin lill-intrapriżi lokali jħaffu l-proċess ta’ innovazzjoni u jġibu prodotti ġodda fis-suq b’mod aktar effiċjenti.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri saħaq dwar ir-rwol ċentrali tas-semikondutturi fil-ħajja ta’ kuljum, li jħaddmu kollox minn vetturi u tagħmir mediku sa sistemi ta’ komunikazzjoni u manifattura.
“Għal Malta, l-industrija tas-semikondutturi tirrifletti t-twemmin tagħna li l-innovazzjoni ma tafx fruntieri. Turi kif pajjiż żgħir jista’ jkollu impatt sinifikanti fit-trasformazzjoni teknoloġika tal-Ewropa. Il-prijorità tagħna tibqa’ li nibnu fuq dan is-suċċess billi ninvestu fil-ħiliet, fir-riċerka u fit-teknoloġija — u niżguraw li l-progress li qed nagħmlu llum jibqa’ ta’ ġid għal ġenerazzjonijiet futuri,” sostna l-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory, enfasizza wkoll l-importanza strateġika ta’ Malta u qal, “Ir-rwol ta’ Malta jista’ jkun żgħir fid-daqs iżda kbir fl-impatt. Id-daqs tagħna jagħtina flessibbiltà u kapaċità ta’ adattament immedjat — karatteristiċi li jagħmlu lil Malta testbed ideali għal teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi li jkomplu jsaħħu l-inizjattivi Ewropej.”
Matul l-avveniment ta’ din is-sena, Fabio Gualandris, Quality, Manufacturing and Technology President tal-STMicroelectronics, nieda l-ewwel robot humanoid tal-kumpanija għall-manifattura fil-faċilità tal-packaging u test f’Malta. Il-President Gualandris innota li, “L-introduzzjoni ta’ robots umanoidi fil-faċilità tagħna f’Malta tirrappreżenta pass importanti fit-trasformazzjoni tal-kumpanija, billi tgħaqqad il-kreattività umana mal-preċiżjoni mekkanika sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-innovazzjoni fil-manifattura tas-semikondutturi.”

