Saturday, November 16, 2024

Fl-Ukrajna: Djar jispiċċaw mgħarrqa wara li missili Russi kissru diga

Aqra wkoll

Uffiċjali Ukreni qalu li missili Russi laqtu diga fin-Nofsinhar tal-Ukrajna sewwasew fil-belt ta’ Kryvyi Rih u dan wassal għal għargħar fejn għadd ta’ residenti kellhom jiġu evakwati. Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet ta’ Rryvyi Rih qalu li issa s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u l-awtoritajiet Ukreni qalu li dan kien attakk ta’ tpattija min-naħa tar-Russi għall-kontroffensiva qawwija li qiegħda tagħmel l-Ukrajna. 

Fid-dawl ta’ dan il-President Ukren Volodymyr Zelensky – li kien imwieled proprju f’din il-belt – iddeskriva lir-Russja bħala “stat terroristiku”. Zelensky iddeskriva lir-Russja bħala “dgħajfa” u li qed tattakka lin-nies ċivili. Hu żied jgħid li hekk kif ir-Russi ħarbu mill-kamp tal-battalja, issa qed jipprovaw jagħmlu l-ħsara mill-bogħod. Din id-dikjarazzjoni ta’ Zelensky kienet referenza diretta għas-suċċess riċenti li l-Ukrajna kellha fil-gwerra kontra r-Russi, fejn f’kontroffensiva veloċi reġgħet ħadet lura ammont kbir ta’ artijiet fir-reġjun ta’ Kharkiv. Din il-kontroffensiva wasslet biex is-suldati Russi jirtiraw. 

Fid-diskors tiegħu Zelensky żied jgħin li din id-diga ma kellha “l-ebda valur militari” u għalhekk ma kienx hemm għalfejn tispiċċa fil-mira. Min-naħa tagħha r-Russja ma tat l-ebda kummenti dwar dan l-attakk.

Intant fl-aħħar sigħat ukoll Zelensky żar il-belt ta’ Izyum li reġgħet waqgħet taħt il-kontroll tal-Ukreni wara l-kontroffensiva. Din hija belt importanti u meqjusa bħala ċ-ċentru loġistiku tar-reġjun ta’ Kharkiv. Zelensky irringrazzja lit-truppi li ħadu sehem f’din il-missjoni, u wiegħed li l-bandiera Ukrena se tkun qiegħda tirritorna f’kull belt u raħal ġewwa l-Ukrajna. L-offensiva Ukrena kienet waħda veloċi ħafna tant li jidher li ħasdet mhux ftit lis-suldati Russi. Tant hu hekk, li kien hemm rapporti li wħud mis-suldati Russi abbandunaw l-uniformi tagħhom u tħalltu man-nies ċivili Ukreni. 

Min-naħa tagħha r-Russja ammettiet li l-forzi tagħha telqu minn xi bliet ġewwa r-reġjun ta’ Kharkiv iżda qiegħda tiċħad li s-suldati rtiraw. Minflok, ir-Russja qiegħda tgħid li dan kien skjerament maħsub – kumment li spiċċa redikolat kemm mill-Punent u anke minn ġewwa r-Russja stess.

Ekonomija

Sport