Għawwiema ġiet salvata mill-għarqa wara li l-kowċ tagħha b’kuraġġ qabżet fil-pixxina telletha fil-wiċċ u salvatilha ħajjitha. L-għawwiema Anita Alvarez tat-tim tal-Istati Uniti ħassha ħażin u bdiet nieżla fil-qiegħ waqt il-finali tal-għawm artistiku singolu f’tournament li qed isir f’Budapest l-Ungerija.
Il-kowċ ta’ Alvarez, Andrew Fuentes, qabżet hi fl-ilma biex issalva liż-żagħżugħa ta’ 25 sena, wara li l-lifeguards tal-post naqsu milli jieħdu azzjoni mmedjata. Hija rnexxielha tilħaq malajr l-għawwiema u tellgħetha fil-wiċċ sakemm bl-għajnuna ta’ assistent tal-kompetizzjoni ressqitha sat-tarf tal-pixxina.
Fuentes irrakkuntat mar-radju Spanjol illi meta rat li l-affarijiet ma kinux sew, bdiet tgħajjat lill-lifeguards biex jaqbżu fl-ilma imma jew ma fehmux l-għajjat jew għax ma kienux konxji ta’ qed jiġri baqgħu ma ħadux azzjoni.
Meta nħarġet mill-ilma, l-għawwiema ma kinitx qed tieħu n-nifs u kellha polz tassew għoli u ix-xedaq tagħha kien diġa beda jibbies.
L-għawwiema ħassha ħażin kaġun tal-isforzi li kienet qed tagħmel waqt il-wirja akwatika u kowċ tagħha sostniet li “illum rajna fejn hu l-limitu tal-ġisem tal-bniedem u l-atletika hi xi ħaġa li jekk tkun tħobbha tieħdok sal-limitu”.
Alvarez kienet qed tikkompeti fil-Kampjonati Dinjin tal-Għawwiema, FINA tal-2022 meta seħħ l-inċident. Hija kienet kisbet 87.6 punti u spiċċat is-seba’ post fil-finali.
Hija kienet diġa għaddiet mill-istess esperjenza s-sena ilu meta wkoll ħassha ħażin waqt avveniment ta’ kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi f’Barċellona, fejn dakinhar ukoll kienet ġiet salvatha mill-kowċ tagħha.