Mill-inqas seba’ persuni nqatlu u ħafna oħrajn spiċċaw midrubin hekk kif il-forzi Russi, illum, Lejliet il-Milied wettqu attakk qawwi fuq il-belt ta’ Kherson.
Fl-attakk intlaqat bini amministrattiv u anke residenzjali fiċ-ċentru tal-belt.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-attakk seħħ fuq iċ-ċivili hekk kif fiż-żona ma hemm l-ebda faċilitajiet militari. Il-belt ta’ Kherson hija l-unika kapitali reġjonali li kienet inħatfet mill-forzi Russi mindu bdiet il-gwerra, iżda ġiet illiberata mill-forzi Ukreni x-xahar li għadda.
Il-President Ukren qal li dak li seħħ illum hija turija ċara li l-forzi Russi qed jattakkaw bl-addoċċ basta jkomplu jkissru lil Ukranja. Zelensky qal li l-persuni mejtin huma kollha ċivili u lanqas biss kienu armati.
Ir-Russja min-naħa tagħha ċaħdet li xi darba jew illum attakkat żoni ċivili.