Saturday, November 23, 2024

ARA: “Flessibbiltà fix-xogħol u mhux fid-drittijiet tal-ħaddiema” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA, Ritratti u Filmat ALAN SALIBA

YouTube video

Il-GWU flimkien mal-ewroparlamentari Laburista, Josianne Cutajar nedew kollaborazzjoni li permezz tagħha biex jiġu diskussi mod ġodda ta’ kif il-ħaddiema għandhom jitħaddmu b’mod aktar flessibbli f’din in-normalità l-ġdida li qegħdin ngħixu. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja spjega kif din il-pandemija ħalliet effetti kbar fuq ħajjet kull wieħed u waħda minna. Fost l-oħrajn, qal li din biddlet il-mod kif naħdmu u anke n-normalità li konna mdorrijin biha. 

Min-naħa l-oħra, hu faħħar il-mod kif bħala pajjiż ħdimna bilgħaqal biex indirizzajna din il-kriżi u anke l-miżuri li ttieħdu biex kienet salvagwardjata s-saħħa tan-nies. Sostna li dan kollu kien mertu tal-awtoritajiet tas-saħħa li taw id-direzzjonijiet adegwati f’waqthom, iżda wkoll tal-pubbliku li obda u segwa d-direttivi li ngħataw. Barra hekk, qal li kien anke mertu tal-ħaddiema li kienu fuq quddiem nett biex addattaw ruħhom għas-sitwazzjoni, filwaqt li obdew id-direttivi li ngħataw minn min iħaddimhom. 

Bugeja qal li ma dan kienx perjodu faċli, fejn kien hemm anke nies li kellhom jissegregaw lilhom infushom ġewwa, filwaqt li oħrajn tilfu lill-għeżież tagħhom. Madankollu, hu qal li l-poplu tagħna kien kapaċi jaddatta ruħu malajr f’dan iż-żmien ta’ inċertezza. 

Min-naħa tal-GWU, Josef Bugeja qal li ttieħdu l-miżuri kollha biex jipu protetti l-ħaddiema fi ħdan l-unjin filwaqt li ngħatat għajnuna lil kull min kellu bżonn u avviċina lill-unjin. Semma kif kien hemm ħaddiema minn pajjiżi terzi li ngħataw l-għajnuna minkejja li mhumiex membri tal-GWU u fejn kien hemm bżonn l-unjin ikkordinat ma’ min iħaddem biex jgħinuhom jaddattaw għas-sitwazzjoni. Barra hekk, semma kif kienet għaddejja kollaborazzjoni sħiħa biex jiġu salvati l-postijiet tax-xogħol. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li anke minn qabel il-pandemija, hu stess kien isemmi kif it-teleworking għandu jitħaddem fil-prattika fuq il-postijiet tax-xogħol. Saħaq li bil-pandemija dan sar bżonn u wera li l-produttività ma ġietx affettwata. Saħansitra qal li kien hemm każi fejn il-produttività anke żdiedet u dan għen biex aktar tikber il-fiduċja bejn min iħaddem u l-ħaddiem. Għaldaqstant, Bugeja saħaq li issa li ninsabu fiż-żmien ta’ wara l-pandemija, fejn għandu jkun hemm struttura b’saħħitha li toffri flessibbiltà fix-xogħol, filwaqt li ma tnaqqarx mid-drittijiet tal-ħaddiema u tassigura drittijiet tas-saħħa u s-sigurtà, il-bonuses, l-allowances u d-drittijiet kollha li kellhom. 

F’dan ir-rigward, Josef Bugeja qal li l-GWU diġà bdiet bi djalogu mal-imsieħba soċjali u mal-Gvern ħalli jittieħdu l-miżuri kollha li permezz tagħhom jirnexxielna naddattaw. Semma kif il-GWU wasslet anke proposti lill-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, lill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi ż-Żgħar u anke mill-Ministru tal-Finanzi rigward il-Baġit li mistenni jingħata nhar it-Tnejn biex ikun jinkludi inċentivi għal remote working u anke biex isiru studji dwar kif għandha tiġi rranġata l-liġi tax-xogħol ħalli tkun tindirizza r-remote working. 

Finalment, Bugeja qal li l-GWU se tibqa’ taħdem spalla ma’ spalla mal-ħaddiema u se tagħmel dan b’kollaborazzjoni mal-ewroparlamentari Josianne Cutajar biex id-diskussjoni tiġi estiża wkoll fuq livell Ewropew. Semma kif il-GWU se testendi wkoll din id-diskussjoni mal-ETUC biex anke f’dan il-livell jinstab mudell li jaħdem f’dan il-livell. Stqarr li ċerta diskussjonijiet tal-Eżekuttiv tal-ETUC saru faċilment b’mod virtwali, meta ssoltu kienu jirrikjedu li jsir vjaġġ għal Brussels fejn jista’ jkun itwal mil-laqgħa nnifisha. 

“Il-flessibilità fix-xogħol hi ċ-ċavetta għall-progress soċjali u ekonomiku” – l-MEP Josianne Cutajar

Min-naħa tagħha, l-ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar semmiet kif anke fuq livell Ewropew il-mod kif isir ix-xogħol inbidel u dan wassal biex intilef inqas ħin u sar aktar xogħol. 

Għalhekk, hi qalet li issa dħalna f’fażi ġdida tal-COVID-19 fejn irridu nibdew normalità tajba li tikkonsidra wkoll aktar ħin mal-familji, toffri l-flessibbiltà u anke tipprovdi livell ogħla ta’ għajxien. Għaldaqstant, hi qalet li hemm bżonn li jkollna strutturi sodi li joffru kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli. Qalet li l-prijorità għandha tingħata lir-riżultati u mhux lejn il-preżenza fiżika. 

F’dan ir-rigward, Cutajar qalet li l-Gvern għandu jservi bħala mudell. Saħqet li fil-baġit li se jingħata nhar it-Tnejn, il-Gvern għandu jagħti inċentivi lin-negozji ż-żgħar u lis-settur privat biex joffru kundizzjonijiet tax-xogħol aktar flessibbli, filwaqt li jkompli bid-djalogu biex jgħin lill-privat jaddatta malajr. 

Cutajar tkellmet ukoll dwar it-trasformazzjoni diġitali, fejn spjegat li din ma tkunx tfisser xejn jekk ma npoġġux il-valur soċjali fiċ-ċentru tagħha. Saħqet li flimkien mal-GWU, hi se tkun qiegħda taħdem fuq din l-inizjattiva fuq livell lokali u anke fuq livell Ewropew biex titwessa’ d-diskussjoni rigward kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. Qalet li dan għandu jsir mal-istakeholders kollha, fosthom is-settur privat u l-awtoritajiet, filwaqt li jsiru wkoll studji dwar id-dinja tax-xogħol u anke x’tibdil leġiżlattiv hemm bżonn. Barra hekk, qalet li hemm bżonn li jinħolqu strutturi li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar, permezz ukoll ta’ ambjent aħjar. 

L-ewroparlamentari qalet li se tkun qiegħda tqajjem din id-diskussjoni wkoll fi ħdan is-Soċjal Demokratiċi biex ikun studjat kif nistgħu nħarsu l-interessi tal-ħaddiema tagħna, filwaqt li nibqgħu mexjin ‘il quddiem fl-ekonomija tagħna. Fuq kollox, Josianne Cutajar qalet li rridu nilħqu normalità ġdida li tkun aqwa minn dik li konna ngħixu fiha. 

Sport