Friday, February 20, 2026

FLESSIBILTÀ LI TGĦIN LILL-FAMILJI

Aqra wkoll

Ħadd daqs Gvernijiet Laburisti ma kien strumentali biex naraw in-numru ta’ nisa jiżdied fid-dinja tax-xogħol. Sa meta l-Partit Laburista daħal biex jibda jamministra l-pajjiż fl-2013, Malta kellha l-inqas parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea kollha. Bil-progress li rreġistra pajjiżna fl-aħħar tlettax-il sena, din is-sitwazzjoni inqalbet kompletament u llum Malta ghandha fost l-ogħla rati ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.

Ħadd ma jista’ jinnega li l-iżvilupp fil-qasam tal-edukazzjoni f’pajjiżna taħt amministrazzjonijiet differenti kien qed iwassal biex aktar nisa jiggradwaw mill-Universita u jaqbdu karrieri li permezz tagħhom ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Nafu li llum għandna qrib is-60% ta’ dawk li jiggradwaw mill-Universita ta’ Malta huma nisa. Imma sa tlettax-il sena ilu kien qed jiġri li nisa gradwati li jiddeċiedu li jibdew familja kien qed ikollhom jitilqu l-karriera tagħhom biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-familja.

Il-viżjoni tal-Partit Laburista fil-Gvern wara l-2013 għarrfet li kien jeħtieġ miżuri li jgħinu lin-nisa f’dan ir-rigward. L-introduzzjoni taċ-childcare bla ħlas ħlas għal kulħadd u miżuri oħra bħall in-work benefit ġabu tibdiliet kbar. In-nisa bdew ikunu inċentivati jibqgħu fid-dinja tax-xogħol anke bit-titjib fil-maternity leave, fil-maternal u parental leave. Kollha miżuri li wassluna biex l-għadd tan-nisa fid-dinja tax-xogħol kompla jiżdied għal-livell li għandna llum u li huwa fost l-ogħla reġistrati fl-Unjoni Ewropea kollha.

Gvern Laburista jagħraf li permezz ta’ ekonomija b’saħħitha bħalma għandna llum nistgħu b’koperazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha noħolqu dik il-flessibilita meħtieġa biex in-nisa jibqgħu fil-karrieri tagħhom filwaqt li jkollhom il-ħin adekwat mal-familja tagħhom. Illum nitkellmu fuq family friendly measures u l-Gvern qed ikun l-ewwel wieħed li jmexxi b’eżempju u jintroduċi miżuri favur il-familji fis-settur pubbliku kollu biex jgħinhom ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. 

Il-pandemija, barra n-negattività li ġabet magħha, ġabitna konxji kemm illum, aktar minn qatt qabel, ħafna xogħol li jsir mill-uffiċċju jista’ faċilment isir mid-djar bir-riżultat li l-flessibilta tax-xogħol mid-dar ikun qed jgħin lill-familji jaħdmu b’aktar kumdità filwaqt li jkun qed ikollna wkoll impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna. Studji li qed ikunu ppubblikati bħalissa qegħdin jikkonfermaw li x-xogħol mid-dar bl-ebda mod ma huwa qed jimpatta ħażin fuq il-produttivià tal-pajjiż. Anzi qed ikun irrappurtat li f’bosta każi, il-produttività saħansitra tista’ tkun aħjar. F’dinja, fejn l-intelliġenza artifiċjali qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna huwa possibbli li se jsir aktar possibbli li ħafna xogħol li għadu jsir fl-uffiċċini, jibda jsir mid-djar.

Dan kollu jinkwadra bis-sħiħ fil-Viżjoni 2050 li l-Gvern Laburista se jkun qed iniedi fiż-żmien li ġej. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din il-viżjoni huwa li tingħata prijorita il-kwalita ta’ ħajja għolja għal kulħadd. Il-miżuri ta’ flessibilità u family friendly measures f’kull qasam tax-xogħol huma kollha miżuri f’din id-direzzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport