Id-direttur tal-Appoġġ, Graziella Castillo qalet li, “din mhiex biss ċelebrazzjoni ta’ 30 sena ta’ ħidma fost dawk li esperjenzaw it-trawma tal-vjolenza domestika fis-soċjetà tagħna imma anke okkażjoni għal riflessjoni, rikonoxximent u determinazzjoni”.
Bħala l-ewwel kelliema fil-konferenza “Niċċelebraw 30 Sena ta’ Għajnuna lill-Vittmi ta’ Vjolenza Domestika” li għaddejja dalgħodu, Castillo qalet li 30 sena ilu s-soċjetà tagħna kienet tagħlaq għajnejnha quddiem il-problema tal-vjolenza domestika fejn is-silenzju kien in-norma u l-vittmi kienu jsofru waħidhom.
“Iżda flimkien bdejna nibdlu din in-narrattiva. Għamilna wegħda ma’ dawk li ħassewhom iżolati u bla vuċi, li se nkunu aħna l-vuċi tagħhom fil-ġlieda għall-ġustizzja. Castillo elaborat li x-xogħol tagħhom mhuwiex biss li jipprovdu xelter u assistenza lill-vittmi f’sitwazzjoni tal-kriżi, “anzi, dan huwa biss il-bidu”.
Sostniet li din hija ħidma biex nibdlu l-mentalità tal-pubbliku u jkollna kultura ta’ rispett li fiha nifhmu lil dawn il-vittmi. Dan “biex nibnu soċjetà li fiha l-vjolenza, f’kull forma tagħha, mhiex tollerata,” temmet Graziella Castillo.