Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-attivitá fiżika u l-isport?
Minkejja li twelidt b’dżzabilitá, minn dejjem, sa minn etá żghira kont ninteressa ruħi fl-isport u fl-attivitá fiżika. Anke jekk immorru lura fiż-żmien fis-snin li qattajt l-iskola ghalkemm dak iż-żmien kien hemm inqas għarfien u n-nuqqas ta’ għarfien iġib miegħu biżá u insikurezza, allura l-għalliema dak iż-zmien kienu jżommu lura milli persuna b’diżabilitá tipparteċipa f’lezzjoni ta’ attivitá fiżika, jien b’xi mod jew ieħor kont niżgiċċa u ninvolvi ruħi Minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn l-attivitá fiżika u l-isport.
Kif għażilt li tispeċjalizza fil-wheelchair basketball?
Ma kinitx eżatt għażla iżda wara ħafna snin norganizza attivitajiet b’dixxiplini ta’ “wheelchair sport” differenti, li jvarjaw minn wheelchair handball, wheelchair basketball, wheelchair tennis u oħrajn. Ġie deċiż li niffukaw fuq dixxiplina sportiva waħda. Dan wara li s-Sur Jonathan Shaw esperjenza l-logħba tal-“wheelchair basketball” ra li hemm grupp ta’ nies li lesti li jaħdmu u hu wiegħed u żamm kelmtu għax ġabar sponsors biex setgħu jinxtraw wheelchairs addattati u minn hemm bdiet il-mixja tal-Malta Wheelchair Basketball Association.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-wheelchair basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Nista’ ngħid li saru passi kbar għaliex ftit tas-snin ilu eżattament sentejn ilu fl-2023, irnexxielna nieħdu sehem fil-fażi ta’ kwalifikzzjoni għall-Kampjonati Ewropei li saru ġewwa Lille fi Franza.
Nafu li l-ħajja sportiva tiegħek ma tieqafx mal-Wheelchair basketball. Xi tgħidilna dwar dan?
Fil-preżent minbarra l-involviment tiegħi mal-Malta Wheelchair Basketball Assosication, qed inkun qiegħed ukoll nosserva mill-qrib it-taħrig u anke l-logħob tat-tim tal-futbol tal-irġiel (senior team) ta’ Birkirkara Football Club. Dan grazzi għall-kumitat kollu, kowċis u plejers. Dan beda grazzi għall-ħbiberijja li bdiet madwar sentejn ilu bejn il-kowċ Stefano De Anġelis u jien u kompliet grazzi ghat-team manaġer ta’ Birkirkara FC, Jamie Borg, li flimkien mal-kumplament jaraw kif jagħmlu biex jien dejjem inkun magħħom. B’dan il-ġest flimkien qegħdin nuru li anke f’ ambjenti li fihom hemm nuqqas ta’ aċċessibilta bħall-grawnds tal-futbol, aħna flimkien irnexxielna insibu mod kif naħdmu flimkien u dejjem inkunu flimkien.
Nagħmel parti wkoll mit-tim ta’ kowċis tas-Siġġiewi Basketball Club, fejn għandi taħt it- tmexxijja tiegħi t-timijiet kemm tas-subien u anke tal-bniet tal-Under 14.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-wheelchair basketball?
Ovvjament il-ħidma dejjem tkompli mhux fil-Malta Wheelchair Basketball Association biss, iżda f’dak kollu li nagħmel. Wara li ġibt Masters fl-Attivitá Fiżika u Sport fis-sena 2023, xorta għadni nistudja kuljum dwar sport għax dejjem nemmen li trid tibqa’ dejjem aġġornat.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-wheelchair basketball.
Jien se ngħaddi messaġġ generali. Nemmen li kemm fl-isport kif ukoll f’oqsma oħra tal-ħajja hu sabiħ jekk nitgħallmu naħdmu flimkien. Dan għaliex flimkien biss nistgħu nagħmlu differenza għax flimkien iktar b’saħħitna. Meta s-soċjetá tifhem din, tibda iktar tinkludi lil kullħadd, tagħti iktar spazju u opportunitá lil kullħadd u hemm biss is-soċjetá tista’ tevolvi u tikber.