Il-11 ta’ Frar huwa magħruf mad-dinja kollha bħala il-Jum għal Internet Iktar Sigur, jum iddedikat għall-promozzjoni tas-sigurtà onlajn. Bħal fis-snin ta’ qabel, it-tema tibqa’ dik ta’ Flimkien għal Internet Aħjar, li tinkoraġġixxi azzjoni kollettiva min-naħa tal-istakeholders kollha biex irawmu spazju diġitali sigur, speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Huwa essenzjali li nibqgħu naħdmu biex niżguraw li t-tfal jużaw l-internet b’ mod responsabbli, rispettuż, kritiku u kreattiv. It-tfal iqattgħu ħafna ħin onlajn, jużaw l-internet għall-iskola, id-divertiment, biex jiksbu informazzjoni u biex iżommu kuntatt mal-familja u l-ħbieb. Minkejja li l-internet joffri ħafna benefiċċji, it-tfal huma esposti għal bosta riskji onlajn, li jinkludu l-użu eċċessiv; l-espożizzjoni għal kontenut dannuż; l-isfruttament u l-abbuż sesswali; l-ibbuljar onlajn; u l-użu ħażin ta’ informazzjoni privata.
Irridu niżguraw li t-tfal jagħmlu esperjenzi pożittivi onlajn u li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jimmaniġġjaw ir-riskji onlajn. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa kommess li joħloq internet aħjar għat-tfal u flimkien mal-FSWS (Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali), il-Ministeru għall-Edukazzjoni u s-Cybercrime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizijia ta’ Malta, jagħmel parti mill-kampanja BeSmartOnline!. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tħares it-tfal meta dawn ikunu onlajn billi tqajjem kuxjenza u toffri għajnuna u sapport.
Biex jitfakkar dan il-jum importanti, se jittieħdu bosta inizjattivi. Ħafna skejjel ikkommettew ruħhom li jiċċelebraw dan il-jum billi jtellgħu diversi attivitajiet bis-sostenn tat-tim ta’ BeSmartOnline!. Liskejjel u għaqdiet oħra għandhom aċċess għaltoolkit, li jikkonsisti fi pjanijiet għall-lezzjoni u riżorsi oħra, li ġew żviluppati mit-tim ta’ BeSmartOnline!. Din is-sena tqassam vidjow mal-iskejjel kollha li jispjega l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, li huwa regolament tal- Unjoni Ewropea li huwa maħsub li joħloq ambjent onlajn iktar sigur u trasparenti.
Dan l-Att idaħħal regoli iżjed stretti għall-pjattaformi diġitali, speċjalment għan-netwerks u swieq diġitali tal-midja soċjali, sabiex jipproteġi dawk li jużawhom, inkluż it-tfal. https://www.youtube.com/watch?v=dUMGz17Oono Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex iqajjem għarfien dwar l-użu sigur tal-internet, it-tim ta’ BeSmartOnline! se jtella’ stand ta’ informazzjoni ġewwa l-Belt Valletta (ħdejn il-Parlament) fl-14 ta’ Frar, bejn id-disgħa u n-nofs siegħa. Ġenturi/gwardjani huma mħeġġa jżuru dan l-istand biex jiksbu iktar informazzjoni dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija.
Għal iżjed sapport u gwida rigward is-sigurtà onlajn għat-tfal, wieħed jista’ jżur https://www.besmartonline.info/ jew iċempel il-linja ta’ sapport 179. L-abbuż li jseħħ onlajn għandu jiġi rrappurtat permezz ta’ www.childwebalert.gov.mt.