Aktar ma jgħaddi ż-żmien u t-teknoloġija tikber madwarna, aktar qed tikber il-problema ta’ ostakolazzjoni għall-persuni neqsin mid-dawl minflok ma tinċentivahom għal aktar inklużjoni. Dan kien is-suġġett prinċipali tal-laqgħa li ttellgħet fil-Workers’ Memorial Building bejn l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union u rappreżentanti tal-VNVN – Visual Non-Visual Network, organizzazzjoni volontarja impenjata li tqajjem kuxjenza dwar l-inklużjoni għall-persuni neqsin mid-dawl.
Noel Farrugia, il-fundatur ta’ din l-organizzazzjoni qal li matul iż-żmien filwaqt li t-teknoloġija fosthom id-diġitalizzazzjoni qiegħda dejjem tipprogressa dawn in-nies qed iħossu li din qed iżżommhom lura mill-integrazzjoni totali u t-trattament ugwali fil-komunità.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qabel li “Qed indaħħlu sistemi diġitali ġodda fostna, kull fejn tmur, li filwaqt li huma komdi u moderni, iżda mingħajr ma nirrealizzaw qegħdin nagħlqu aktar l-aċċess għall-persuni nieqsa mid-dawl.”
Noel Farrugia żied li, “Jekk toqgħod taħseb ftit tirrealizza kemm persuni bil-viżta għandhom nuqqas ta’ għarfien dwar kif jikkomunikaw ma’ persuni nieqsa mid-dawl. Ħsibna li mmorru hands-on. Wasalna fi proċess li se nwaqqfu koperattiva mmexxija mill-għomja tindirizza l-bżonnijiet li fil-ħajja ta’ kuljum jagħmlu ħafna sens. Ġbarna kollox f’qafas wieħed u abbozzajna Avviż Legali mħejji għad-diskussjoni, li ġie milqugħ b’entużjażmu mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tal-Parlament ftit xhur ilu.”
Żied jgħid li huma jixtiequ li flimkien mal-GWU kif ukoll il-Membri Parlamenteri jiddiskutu dawn il-proposti alternattivi biex il-qafas tal-post tax-xogħol jimtela b’aktar impenn u ruħ soċjali, b’persuni lil hinn mid-dawl inklużi wkoll. Postijiet tax-xogħol b’ħiliet ġodda li wkoll jagħtu ċans lil dawn il-persuni jiggwadanjaw l-indipendenza għal aktar integrazzjoni soċjali.
“Nixtiequ li jinħolqu ‘postijiet tax-xogħol lil hinn mid-dawl’, biex persuni nieqsa mid-dawl ikunu jistgħu jaħdmu u jintegraw. Nixtiequ nippreżentaw il-viżjoni tagħhom,” żied jgħid Noel Farrugia.
Spjegaw li wħud mill-membri f’din l-organizzazzjoni ħolqu niċċa ġdida ta’ xogħol, fejn qed jipproduċu t-tadam u ż-żejt taż-żebbuġa fost oħrajn bħala parti mill-‘Braille Well-Being Products’, kif ukoll qed ikabbru l-istevia f’pajjiżna, speċi ta’ pjanta naturali li tintuża bħala sostitut taz-zokkor mingħajr ebda kaloriji. Fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin iħabbru aktar dettalji dwar din il-produzzjoni.
Il-President tal-GWU Jason Deguara stqarr li lkoll għandna bżonn ammont ta’ tagħlim kif għandna mmorru ma’ persuni neqsin mid-dawl, biex b’hekk nikkomunikaw aħjar bejnietna. Żid jgħid li l-bibien tal-GWU, bħala trejd unjin li tisħaq fuq l-inklussività, huma dejjem miftuħin biex jagħtu kull għajnuna possibbli lil din l-organizzazzjoni.
Bħalma qed isir flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu din l-organizzazzjoni tixtieq ukoll tibda toffri programmi ta’ tagħlim għall-ħaddiema kollha f’pajjiżna, permezz tal-proġett ‘Meet and Greet Compliments’, biex il-persuni bil-viżta jkunu jistgħu jifhmu u jintegraw dejjem aktar mal-persuni neqsin mid-dawl.
Maria Elich, waħda mir-rappreżentanti tal-organizzazzjoni, spjegat li permezz tal-ħidma kontinwa min-naħa tagħhom, qegħdin javviċinaw lis-soċjetà. Fosthom permezz ta’ lectures li qed tagħti hi fl-MCAST lill-istudenti li ‘l quddiem se jilħqu infermiera, biex ikunu jafu kif għandhom jikkomunikaw ma’ persuna nieqsa mid-dawl.
Semmew ukoll il-proġett ‘Għomja Attivi fil-Parroċċi tal-Bliet u l-Irħula’, fejn l-organizzazzjoni toffri pariri kif il-parroċċa tista’ tkun aktar aċċessibbli għall-persuni nieqsa mid-dawl u tintegrahom aktar biex bil-mod il-mod jeliminaw in-nuqqasijiet li jeżistu hemm barra.
Is-Segretarju Ġenerali (designate) Kevin Camilleri qal li dak li qed tagħmel l-organizzazzjoni hemm barra huwa ta’ min ifaħħru hekk kif jeħtieġ li jkun hawn aktar għarfien dwar kif is-soċjetà għandha tkun ta’ għajnuna għal dawn il-persuni, tintegrahom aktar u tiffaċilitalhom ħajjithom. Saħaq li għalhekk hemm bżonn li flimkien naffaċċjaw u nirrikonoxxu l-problemi ta’ dawn il-persuni fis-soċjetà u naħdmu bis-sħiħ biex noħolqu pajjiż aktar inklussiv.
Fl-aħħar tal-laqgħa Maria Elich u Bridget Micallef, żewġ rappreżentanti tal-għaqda li jaħdmu qatigħ għall-inklużjoni tal-persuni neqsin mid-dawl ngħataw ċertifikat bħala apprezzament tal-ħidma fi ħdan il-GWU favur il-kunċett ‘Il-Post tax-Xogħol lil Hinn mid-Dawl’.

