Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-PN qiegħed jikber u ddeskriva l-ewwel erba’ ġimgħat bħala Kap tal-PN bħala esperjenza pożittiva li hija wkoll pożittiva għax anke l-grupp parlamentari qed iħossuhom li huma grupp parlamentari aktar unit u għaddej aktar b’serenità. “Flimkien qed inkabbru dan il-partit u n-nies hemm barra qed jiġu lura. Ilbieraħ ġie għandi persuna illi telaq il-partit madwar 8-9 snin ilu u x’ħin kien qed ikellimni qalli li jien u sħabi konna ddeċiedejna li naħdmu għall-Partit Laburista. Imbagħad qal li llum jixtiequ jiġu lura ħalli jaħdmu lura għall-PN. Hemmhekk tara li xi ħaġa qed nagħmlu tajjeb. Dan il-Partit qiegħed jikber.”
Huwa qal dan waqt il-programm Nissaħħu Flimkien fejn Grech tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni preżenti. Huwa qal li n-nies mhux ibatu biss għax taqbadhom il-Covid-19 imma qed ibatu wkoll għaliex minħabba nuqqas ta’ ppjanar tal-gvern, u minħabba li l-Covid kibret bla kontroll, in-nies hemm barra li għandhom diffikultajiet oħra li mhumiex il-Covid, qed jispiċċaw ma jingħatawx l-attenzjoni neċessarja. Grech qal li l-Gvern għandu l-obbligu li jindirizzaha llum qabel għada, filwaqt li qal li huwa importanti li nieħdu l-miżuri neċessarji llum qabel ma nkunu kostretti li bilfors immorru għal-lockdown.
Fl-intervista, Grech tkellem ukoll dwar pagi li jrendu u qal li filwaqt toħloq il-ġid b’mod sostenibbli, trid taħseb ukoll għall-miżuri li verament jgħinu lin-nies jimxu ‘l quddiem. “Tgħidli ma kienx hawn miżuri billi kellhom żieda jew tawhom xi ħaġa iktar? Le mhux biżżejjed, int ma tistax tibqa’ tagħti l-ħuta biss, trid tgħin lill-persuna jgħola fid-dinjità tiegħu. Għandek nies li ma jistgħux illum jixtru darhom, għandek nies li ma jistgħux jikru darhom. Għaliex? Sfortunatament kelna gvern f’7 snin li fil-qasam tal-akkomodazzjoni ma għamel xejn, jew jekk għamel ftit li xejn,” qal Grech.
Huwa żied jgħid, “Għandek ukoll nies li ma jistgħux jisselfu għaliex għandhom xogħol prekarju, għandhom xogħol mhux garantit, għaliex għandhom xogħol definit. Anke hawnhekk il-gvern ma għamel xejn u mhu qiegħed jagħmel xejn. Kien qalilna li se jeqred il-prekarjat. Sal-lum il-prekarjat għadu jeżisti, anzi żdied, u dawn in-nies ukoll ma jistgħux jimxu ‘l quddiem.”
Grech tkellem ukoll dwar Għawdex fejn fost l-oħrajn semma s-servizz tal-fast ferry. Dwar dan huwa qal, “ilu mwiegħed is-snin. Għaliex għandna gvern inkompetenti, għaliex għandna gvern li ma jagħmilx l-affarijiet sew, kull darba bl-iskossi, u sal-lum għadu ma seħħx. Anke dwar il-fibre optic cable, biex ikollhom servizz aħjar tal-internet. Għadu lanqas ġie implimentat. Taf kemm ilu jissemma dan?”