Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin it-Taqsima rnexxielha tagħlaq żewġ kapitli diffiċli, li kien ilhom ikaxkru għal għexieren ta’ snin.
Huwa kien qed jirreferi għall-każ tal-eks ħaddiema tat-Tarzna li mardu kawża tal-asbestos, u għall-arranġament barra l-Qorti li kkonkluda kawża li kienet ilha tkaxkar għal aktar minn 20 sena. Minn dawn iż-żewġ ftehim, gawdew madwar 1,000 ħaddiem jew familji tagħhom li fl-aħħar sabu ġustizzja.
Madanakollu, il-ħidma tat-Taqsima ma waqfitx hemm. Is-Segretarju Marshall qal ukoll li: “Għalaqna wkoll ftehimiet kollettivi importanti fil-Maltapost, Nylon Knitting, Project Green u RSSL, u wasalna biex nikkonkludu ftehimiet kollettivi oħra fil-Bare Sports u fil-BCA.”
Huwa tenna li dan ix-xogħol kollu ma setax isir mingħajr l-impenn, id-dedikazzjoni u l-ħidma bla heda tar-rappreżentanti tagħhom, u b’mod partikolari tal-Viċi President tat-Taqsima, Ġorġ Zahra. “Flimkien urejna li b’għaqda, perseveranza u tmexxija soda, nistgħu niksbu riżultati konkreti għall-ħaddiema,” qal is-Segretarju Marshall.
Huwa tkellem ukoll dwar il-liġi li qiegħda tiġi diskuss fil-Parlament dwar ir-right to be forgotten għal dawk li fiequ mill-kanċer, u qal li din hija liġi importanti li tagħti lura d-dinjità u ċ-ċans lil min diġà bata ħafna.
Huwa iżda saħaq li l-ġustizzja ma tistax tkun selettiva. L-istess dritt, qal Marshall, għandu jingħata wkoll lil persuni li fil-passat wettqu reati kriminali żgħar, ħallsu għalihom, u xorta jibqgħu jġorru t-tikketta għal ħajjithom kollha.
Marshall temm jgħid li kull dritt li għandna llum – il-paga minima, il-leave, il-protezzjoni fuq il-post tax-xogħol – ġie għax konna magħqudin, b’saħħitna fl-akbar unjin tal-pajjiż, il-GWU.

