Saturday, December 21, 2024

Flixkun b’messaġġ mill-Ġappun jinstab 37 sena wara f’bajja fil-Hawaii

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Esperiment li ilu għaddej għal snin sħaħ huwa dak li sar minn grupp ta’ studenti adoloxxenti mill-Ġappun. 37 sena ilu dawn l-istudenti tefgħu fliexken b’messaġġi fihom fil-baħar bil-għan li jsir monitoraġġ tal-kurrenti tal-oċejan. Wieħed minn dawn il-fliexken instab wara dawn is-snin kollha minn tifla fil-gżira ta’ Hawaii, madwar 6,000 kilometru ‘l bogħod.

Il-ġurnal Ġappuniż “Mainichi” irrapporta li fl-1984, grupp ta’ studenti minn klabb għall-istudji tax-xjenza naturali f’Choshi High School f’Chiba tefgħu numru ta’ fliexken bħala parti minn proġett biex jinvestigaw il-kurrenti tal-oċejan.

Bejn l-1984 u l-1985, ħdejn il-gżira ta’ Tokyo “Miyakejima Island”, intefgħu fl-oċejan total ta’ 750 flixkun. L-aħħar wieħed li kien instab kien fl-2002 fil-gżira Kikaijima fir-reġjun ta’ Kagoshima, fil-Lbiċ tal-Ġappun. Imbagħad, f’Ġunju li għadda Abbie Graham, tifla ta’ disa’ snin li kienet qiegħda tilgħab f’bajja fil-Hawaiian Paradise Park, sabet dan il-flixkun. 

Fih kien hemm karti bid-dettalji tal-persuni mill-iskola li għamlet dan l-esperiment u istruzzjonijiet bil-Ġappuniż, bl-Ingliż u bil-Portugiż biex l-istess karti jintbagħtu lill-persuni mniżżla fihom. Kmieni dan ix-xahar Abbie bagħtet il-karti lill-iskola f’Choshi.

Il-viċi prinċipal, Jun Hayashi, fi stqarrija maħruġa fil-15 ta’ Settembru qal li, “kien mingħalina li sibna l-aħħar wieħed f’Kikaijima. Qatt ma mmaġinajna li 37 sena wara se nsibu ieħor”.

Mill-1985 fliexken li kienu parti mill-esperiment tal-iskola nstabu fi 17-il postijiet differenti fosthom f’Okinawa, fil-Filippini, fiċ-Ċina u fil-kosta tal-Punent tal-Istati Uniti.

Mayumi Kanda, li llum il-ġurnata għandu 54 sena, kien membru tal-klabb tax-xjenza naturali fl-1984. Kif ħa l-aħbar li nstab il-flixkun bil-messaġġ li kienu għamlu fl-esperiment, qal li kien sorpriż ħafna u li ħass nostalġija kbira għaż-żmien li fih kien student. Huwa rringrazzja lil dawk kollha involuti.

Abbie, li wkoll ħadet pjaċir bl-esperjenza li għaddiet minnha qalet lill-Hawaii Tribune-Herald li, “irrid immur infittex flixkun b’messaġġ fih ieħor”.

Ekonomija

Sport