Florcita hija tifla mill-belt ta’ Iquitos, fil-Perù. Matul ix-xahar ta’ Mejju hija kellha bżonn operazzjoni urġenti f’qalbha, iżda l-familja tagħha ma kellhomx il-mezzi finanzjarji sabiex dan ikun jista’ jsir.
Kien għalhekk li Dun Raymond Portelli, missjunarju fil-Perù, għamel talba lill-poplu Malti bil-għan li jinġabru biżżejjed donazzjonijiet sabiex jiġu koperti l-ispejjeż għall-intervent mediku li kienet teħtieġ Florcita.
Illum, il-missjunarju tella’ ritratt tat-tfajla fuq il-midja soċjali fejn f’isem Florcita rringrazzja lil dawk kollha li kkontribwixxew finanzjarjament f’din il-kawża ġusta.
Grazzi għall-għajnuna ta’ dan il-poplu tant ġeneruż, din it-tfajla ħadet saħħitha lura u rritornat fuq il-bank tal-iskola.