Saturday, January 10, 2026

Floriana għadhom biċ-ċans li jirbħu l-Opening Round

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta tintlagħab l-aħħar ġurnata, Floriana għadhom biċ-ċans li jirbħu l-Opening Round tal-Malta Premier League … iżda wara t-telfa li sofrew kontra Hamrun Spartans, issa jridu jegħlbu lir-rivali eter­ni Valletta li, bla dubju, hija l-aqwa partita ta’ dan il-programm.

Min-naħa ta’ Hamrun Spartans, dawn jaffrontaw lil Sliema Wanderers filwaqt li l-logħba l-oħra mit-Top Six tlaqqa’ liż-żewġ timijiet li jinsabu fl-aħħar postijiet, Marsaxlokk u Birkirkara.

Fil-Bottom Six, Hibernians jimmiraw li jirbħu din il-kategorija meta jaffrontaw lil Mosta filwaqt li Gzira United jiffaċċjaw lil Zabbar St Patrick.

Konfront interessanti huwa dak bejn iż-żewġ timijiet li għandhom sieq waħda fiċ-Challenge Lea­gue huwa bejn Naxxar Lions u Tarxien Rainbows.

Floriana v Valletta – Din il-partita mistennija ttella’ l-akbar attendenza s’issa lejn l-Istadium Nazzjonali għax minbarra r-rivalitá ta’ bejniethom, Valletta jridu jtellfu ċ-ċans lil Floriana milli jikkwalifikaw għall-grand finali tal-istaġun billi jirbħu l-Opening Round.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom, il-Greens sfaw megħluba minn Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0 u għaldaqstant iridu jirriorganizzaw lilhom infushom biex fl-is­tess waqt ipattu għad- diżappunt tat-telfa ta’ 2-0 kontra l-istess Beltin fl-ewwel round.

Iżda filwaqt li Floriana se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Iago Perreira Mendonca, Valletta se jkunu mingħajr l-aqwa player u l-aqwa skorer, Yuri De Jesus Messias.

Hamrun S. v Sliema W. – Hamrun Spartans jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers li se jkunu mmexxija mill-coach il-ġdid, Pablo Doffo, fil-post ta’ Paul Zammit li ħalla din il-kariga ftit tal- jiem ilu.

Filwaqt li l-Ispartans jittamaw għal żelqa Furja­niża, huma jimmiraw li jirbħu din il-fażi jekk huma jegħlbu lill-Wanderers u l-Greens jonqsu milli jo­ħorġu rebbieħa.

Iżda huma għandhom lil Vincenzo Polito sospiż filwaqt li Jean Borg, Gustavo Alcino u Miguel Baggio Cover, jirritornaw għall-­Wanderers minn sospen­sjo­ni.

Fil-partita preċedenti, Sliema kienu għelbu lil Hamrun bl-iskor ta’ 2-0.

Marsaxlokk v Birkirkara – Din hija partita ta’ forma­litá minħabba li mhux se taffettwa l-klassifikazzjoni tat-Top Six.

Birkirkara, li tilfu l-partiti kollha ta’ din il-kategorija, se jkollhom jgħaddu mingħajr it-tliet players sospiżi, Manuel Ignacio Morello, Geoffrey Acheampong u Lucas Ribeiro De Oliveira filwaqt li Nikolai Muscat jiskonta t-tieni sospensjoni (minn tlieta) għal Marsaxlokk.

Fl-ewwel partita, iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals. 

Gzira U. v Zabbar SP – Din hija partita bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa, Gzira United kontra Hibernians (4-1) u Zabbar St Patrick kontra Naxxar Lions (2-1).

Il-Gżirjani ma jistgħux jagħmlu użu miż-żewġ players sospiżi, Luis Carlos Riascos u Fabricio Silva Virgens iżda jirritornaw Clayton Failla u Andre Carlos Penha Da Silva minn sospensjoni.

Zabbar għandhom lil Mayron Mar­ques Barbosa da Rocha sospiż.

Fl-ewwel logħba, iż-Żabbarin rebħu bl-iskor ta’ 2-0.

Hibernians v Mosta – Il-leaders tal-Bottom Six, Hibernians, jibdew favoriti kontra Mosta għalkemm għandhom lil Alfred Hamanjoda Silas, Pedro Henrique Nunes Silva u Miullen Natha Felicio Carvalho sospiżi.

Fl-ewwel logħba, iż-żewġ timijiet temmew 2-2.

Naxxar L. v Tarxien R. – Naxxar Lions jiltaqgħu kontra Tarxien Rainbows fejn għandhom lil Neil Pace Cocks sospiż iżda jirritornaw Sekala Geuhi u Rosiel Da Silva.

Fl-ewwel partita, Tarxien kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor 3-2.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport