Wednesday, April 30, 2025

Floriana jfallu ċ-ċans li jsiru champions

Aqra wkoll

Birkirkara ……..1

Floriana ………..1

Floriana fallew iċ-ċans li jsiru champions għas-27 darba fl-istorja tal-club meta setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Birkirkara biex b’hekk il-kampjonat jieħu xejra oħra hekk kif issa jintlagħbu s-semi-finali li ma’ dawn iż-żewġ timijiet jin­għaqdu wkoll Sliema Wanderers u Hamrun Spartans.

Fil-bidu tal-partita, Birkirkara ddominaw lil Floriana li kienu maħsuda bil-goal kmieni u bi ftit attenzjoni, il-Karkariżi setgħu kabbru l-vantaġġ. Iżda b’mod gradwali l-Greens bdew jissetiljaw, bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji … kisbu d- draw u setgħu daħlu jistrie­ħu fil-vantaġġ.

It-tieni taqsima kienet aktar tattika hekk kif il-Karkariżi bdew jagħlqu l-ispazji fit-tentattiv li ma jħallux lill- Furjaniżi jippenetraw.

Birkirkara ma setgħux kellhom bidu aħjar meta fit-tielet minuta fetħu l-iskor meta l-goalkeeper, Christoffer Mafoumbi ma żammx ix-xutt ta’ Donovan Makoma minn barra l-kaxxa biex daħal MA­XUELL MAIA u sammar il-ballun fix-xibka.

Kien goal li ddemoralizza għal kollox lil Floriana hekk kif il-Karkariżi żiedu l-pres­sjoni u ġiegħlu lill-Greens jirtiraw lura.

Kien fit-13-il minuta, li Floriana ħarġu mill-qoxra difensiva tagħhom iżda Franklin Sasere ġie mwaqqaf b’mod irregolari u mill-free-kick ta’ Fernando Gomes ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper, Giacomo Volpe, li ntefa’ minn tulu u dawwar f’corner.

Fid-19-il minuta, Floriana resqu viċin meta d-daqqa ta’ ras ta’ Oualid El Hasni dehret nieżla fix-xibka iżda Volpe dawwar f’corner in extremis.

Il-Karkariżi għamlu reaz­zjoni mmedjata u xutt ta’ Alexander Satariano minn pożizzjoni angolata għeleb lil Mafoumbi iżda għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Floriana, konfużi fl-ideat tagħhom, ipprovaw joħolqu xi forma ta’ attakk u fit-30 minuta, Fernando Gomes xxuttja minn barra l-kaxxa iżda falla kompletament.

Fil-35 minuta, wasal l-aħjar ċans ta’ Floriana meta Dunstan Vella għadda lejn Julian Gamarra li x-xutt tie­għu għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta, b’Volpe megħlub għal kollox.

Madankollu, tliet minuti wara, Floriana kisbu d-draw meta Matias Garcia beda l-azzjoni meta għadda lejn Jake Grech li daħal fil-kaxxa u kompla lejn DUNSTAN VEL­LA li b’eleganza llobja l-ballun fix-xibka.

Fit-43 minuta, il-Greens kienu  għoddhom  marru fil-vantaġġ iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Aleandro Garzia ġiet salvata minn Manuel Morello fuq il-linja fatali biex evita goal ċert.

B’kuntrast għall-ewwel waħda, it-tieni taqsima bdiet fuq nota kwieta … sakemm fis-56 minuta rajna l-ewwel azzjoni meta minkejja li kien imdawwar minn erba’ players, Maxuell Maia sab l-ispazju biex impenja lil Mafoumbi li dawwar f’corner.

Fis-60 minuta, Volpe wettaq titjira spettakolari fuq kanunata ta’ Gamarra meta xeħet f’corner.

Żewġ minuti wara, Garzia għamel l-impossibbli meta minn tarf il-kaxxa ż-żgħira falla l-mira wara li Volpe salva fuq Grech.

Prattikament din kienet l-aħħar azzjoni denja min­ħabba li l-logħba kienet karatterizzata b’ħafna waqfien bla bżonn.

BIRKIRKARA: 1-Giacomo Volpe, 3-Manuel Ignacio Morello (6-Pablo Gaitan 83), 5-Agustin Sandona (4-Luis Codova 45), 8-Paul Mbong (30-Nathan Cross 91), 9-Kemar Reid (93-Gislain Yikpe 79), 20-Alexander Satariano, 24-Leandro Lautaro Lacunza, 25-Neil Micallef, 27-Alessandro Coppola, 59-Stephane Donovan Mokoma, 91-Maxuell Maia – Coach: Stefano De Angelis

FLORIANA: 45-Christoffer Henri Mafoumbi, 4-Oualid El Hasni, 8-Jake Grech (10-Gabriel Sotomayor 86), 12-Dunstan Vella, 17-Owen Spiteri, 20-Matias Nicolas Garcia (14-Jork Eblin Becerra 71), 25-Julian Gamarra Gonzalo, 27-Franklin Sasere, 55-Alexandros Kouro (9-Elvis Mashike Sukisa 86), 77-Aleandro Garzia, 94-Jose Fernando Gomes Junior – Coach: Darren Abdilla

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, James Muscat

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORERS: M. Maia 3 (B); D. Vella 39 (F)

AMMONITI: N. Micallef, A. Satariano, K. Reid, A. Coppola, P. Gaita (B); A. Kouro, G. Agustin, D. Vella (F)

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport