Floriana …..2
Balzan …….1
Floriana irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Balzan biex b’ hekk żammew il-pass mat-team tal-quċċata, Hibernians.
Kienet rebħa meritata għat-team immexxi minn Gianluca Atzori anke jekk Balzan offrew sfida denja speċjalment matul it-tieni taqsima għalkemm sfortunatament għalihom reġgħu spiċċaw b’ idejhom vojta.
Iż-żewġ timijiet għamlu tliet bidliet mill-aħħar logħba tagħhom. Christian Rutjens, Aleandro Garzia u Andrei Ciolacu rritornaw mal-ewwel ħdax minflok Adam Magri Overend, Jan Busuttil u s-sospiż Oualid El Hasni għal Floriana filwaqt li Paul Fenech, Gary Camilleri u Aleksic Andrejic ġew ippreferuti minn Neil Frendo, Alvin Daniels u Suleiman Jalu.
Mal-bidu tal-logħba, Balzan ħarġu ftit aktar aggressivi fejn marru viċin b’daqqa ta’ ras ta’ Kaljevic wara cross ta’ Ljubomirac fit-tmien minuta.
Żewġ minuti wara, Floriana wieġbu b’xutt bid-dawra ta’ Ryan Camenzuli li għadda ftit barra biex fit-22 minuta, minn cross fit-tul tal-istess Camenzuli, Brandan Paiber ikkontrolla u qabbeż tajjeb minn fuq il-goalkeeper bil-ballun jispiċċa ftit għoli.
Fil-31 minuta, Floriana fetħu l-iskor meta minn freekick ta’ Jose Arias mix-xellug, CHRISTIAN RUTJENS għola tajjeb u għeleb lill-goalkeeper Jake Galea bir-ras.
Fis-60 minuta, is-sostitut Kemar Reid ittanta xortih b’daqqa ta’ ras, li Galea salva tajjeb. Tliet minuti wara, Balzan tilfu okkażjoni tajba meta Kaljevic ġie mblukkat fil-ħin wara li l-goalkeeper Kitanov salva parzjalment fuq Alvin Daniels.
Fis-66 minuta, Floriana wieġbu b’kanunata ta’ Ciolacu li Galea dawwar f’corner.
Minuta wara, Balzan kisbu d-draw meta Mijic bidel il-ballun ma’ Fenech f’nofs il-ground u daħal tajjeb qabel fetaħ fuq UROS LJUBOMIRAC li għeleb lil Kitanov b’xutt fil-baxx.
Fit-78 minuta waslet ir- reazzjoni Furjaniża b’xutt fil-baxx ta’ Camenzuli li Galea salva tajjeb u seba’ minuti wara konklużjoni ta’ Magri Overend minn barra l-kaxxa reġgħet ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Balzan.
Iżda minuta mit-tmiem, Floriana kisbu l-goal tar-rebħa meta minn azzjoni ta’ corner, is-sositut OWEN SPITERI tefa’ ġewwa b’daqqa ta’ ras.
FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 3-Christian Rutjens, 5-Zachary Cassar, 6-Rumyan Hovsepyan, 10-Ulises Jose Arias (8-Kemar Reid 58), 11-Andrei Ciolacu (30-Jan Busuttil 76’), 22-Brandon Paiber, 28-Emiliano Callegari (17-Owen Spiteri 4), 29-Eugeniu Rebenja (9-Kristian Keqi 58), 77-Aleandro Garzia (2-Adam Magri Overend 58), 94-Ryan Camenzuli. – Coach: Gianluca Atzori
BALZAN: 12-Jake Galea, 3-Augustine Loof, 6-Marcus Grima, 8-Paul Fenech, 18-Uros Ljubomirac, 19-Milos Zlatkovic, 22-Gary Camilleri (7-Milan Djuric 58’), 23-Milos Mijic, 77-Aleksa Andrejic (9-Alvin Kevin Daniels 58), 86-Bojan Kaljevic (20-Suleiman Jalu 82), 88-Sean Cipriott – Coach: Paul Zammit
REFEREE: Fyodor Zammit
ASS. REFEREES: Edward Spiteri, Luke Portelli
RABA’ UFF: Glen Tonna
SKORERS: C. Rutjens 31, O. Spiteri 89 (F); U. Ljubomirac 67 (B)
AMMONITI: P. Fenech, U. Ljubomirac, A. Loof, B. Kaljevic (B)