Floriana żammew l-intenzjonijiet tagħhom li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat wara li għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 14-1.
Kif jindika l-iskor, il-Greens kienu dominanti tul il-konfront kollu speċjalment fit-tieni taqsima fejn skorjaw xejn inqas minn 11-il gowl.
Manolito Micallef skorja erba’ gowls filwaqt li Ryan Darmanin kien awtur ta’ tripletta. Firas Aboulezz u Diego Fernando Pereira skorjaw doppjetta b’Dylan Grima u William Camenzuli li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Hibernians skorjaw l-uniku gowl tagħhom minn Beppe Antignolo.
Referee kien Paul Apap.
B’din ir-rebħa, Floriana baqgħu punt taħt il-leaders MFPA li min-naħa tagħhom għelbu liċ-champions Gżira Veterans 5-3.
Stanimir Miloskovic skorja tliet gowls filwaqt li George Frendo u Mark Barbara żiedu aktar gowls.
Ian Zammit skorja doppjetta personali għal Gżira bi Zvezdan Vukovic li żied ieħor għat-tim tiegħu.
Referee kien Gordon Barbara.
Rabat Veterans avvanzaw aktar postijiet fil-klassifika wara skor pożittiv ta’ 6-2 kontra Luxol St Andrew’s.
Adam Smeir kompla juri l-kwalitajiet tiegħu ta’ skorer prolifiku meta skorja tliet gowls u kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu. Andre Scicluna, Andy Mangion u Timothy Zammit żiedu aktar gowls għar-Rabtin.
Luxol kellhom lil Dylan Musu u Gary Inguanez li skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni.
Referee kien Paul Apap.
Żurrieq Wolves kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Birkirkara St Helen’s 5-2.
Alex Muscat skorja żewġ gowls b’Jurgen Mifsud, Beppe Muscat u Kevin Vella li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Roderick Briffa skorja l-uniċi żewġ gowls għal Birkirkara.
Referee kien Gordon Barbara.

