Floriana ……..…0
Hamrun S. ……0
Floriana għal darba oħra naqsu milli jieħdu t-tliet punti u setgħet ġiethom agħar hekk kif Hamrun Spartans fallew penalty seba’ minuti fil-ħin miżjud biex il-konfront ta’ bejniethom spiċċa fi draw ta’ 0-0.
Riżultat li jfisser li Hibernians iridu biss punt mill-aħħar żewġ logħbiet biex jirbħu t-titlu. Hamrun, min-naħa l-oħra, jitilgħu punt fuq Birkirkara fil-battalja għat- tielet post.
Wara tliet minuti kienu Floriana li kellhom l-ewwel tentattiv lejn il-lasti bi cross-shot ta’ Zachary Cassar mix-xellug li falla l-mira bi ftit. Hamrun irrispondew fit-18-il minuta b’azzjoni minn cross ta’ Juan Corbalan, fejn Joseph Mbong għadda l-ballun lejn Predrag Djordjevic li minn pożizzjoni ideali tefa’ ftit barra.
Fit-28 minuta, Kemar Reid għadda l-ballun lil Jose Arias fuq il-lemin u wara li dan ġibed lejn pożizzjoni aktar angolata, ikkrossja lejn Veselji iżda d-daqqa ta’ ras ta’ dan spiċċat ftit barra.
Seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Hamrun kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta mill-cross ta’ Corbolan, Matteo Fedele bir-ras laqat il-lasta.
Hamrun bdew ikunu aktar perikolużi fit-tieni taqsima, speċjalment bl-inklużjoni tas-sostitut Faissal El Bakhtaou.
Fil-fatt, fis-70 minuta, minn cross ta’ Soares, Franklin Sasere bir-ras għadda l-ballun lejn El Bakhtaoui li kellu x-xutt mill-ewwel salvat tajjeb minn Kitanov.
Fit-78 minuta, Floriana rrispondew bi cross insidjuż ta’ Magri Overend mix-xellug li minnu s-sostitut Alejandro Garzia tefa’ ftit barra bir-ras. Tliet minuti mit-tmiem, azzjoni tajba ta’ Busuttil ġiet konkluża b’xutt ċentrali minn barra l-kaxxa li Henry Bonello salva tajjeb.
Ħames minuti fil-ħin miżjud, Hamrun ingħataw penalty meta Gojkovic twaqqa’ fil-kaxxa mill-captain Furjaniż Garcia iżda l-penalty mogħti minn Sasere ġie salvat minn mill-goalkeeper Kitanov.
FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 3-Christian Rutjens, 5-Zachary Cassar, 6-Rumyan Hovsepyan (11-Andrei Ciolacu 62), 8-Kemar Reid, 10-Ulises Jose Arias, 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Mattia Veselji (77-Aleandro Garzia 62), 28-Emiliano Callegari, 30-Jan Busuttil (96-Daniel Agius 88’) – Coach: Gianluca Atzori
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 7-Joseph Mbong (17-Franklin Sasere 55), 10-Ailton Jorge dos Santos Soares, 12-Arthur Oyama, 15-Steve Borg, 20-Matteo Fedele (33-Isaac Ntow 72), 23-Luke Gambin (77-Shaisen Attard 84), 28-Juan Carlos Corbalan, 29-Predrag Djordjevic (92-Faissal El Bakhtaoui 55), 91-Emerson Marcelina. – Coach: Branko Nisevic
REFEREE: Slobodan Petrovic
ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri
RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann
SKORERS: ĦADD
AMMONITI: J. Corbalan (HS); U. Arias, M. Garcia (F)