Sunday, December 22, 2024

F’Lulju li ġej titlesta l-ewwel fażi tal-proġett f’Ta Liesse, il-Belt Valletta

Aqra wkoll

F’Lulju li ġej mistennija jkunu finalizzati l-ewwel xogħlijiet ta’ restawr marbutin mal-proġett ta’ riġenerazzjoni f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta. L-interventi ewlenin jinkludu r-restawr ta’ aperturi kif ukoll manutenzjoni tal-faċċati ta’ binjiet li storikament servew bħala punt ta’ tluq kummerċjali mill-Port il-Kbir għal ġewwa l-Belt Valletta.

Ladarba jitlesta dan ix-xogħol infrastrutturali, it-tieni fażi tal-proġett ser twassal biex jiġu introdotti spazji miftuħa għall-familji fuq l-istess binjiet.

Dawn id-dettalji tħabbru f’żjara li saret f’Ta’ Liesse mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, miċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u mill-perit tal-proġett David Zahra.

Il-ministru rrimarka li dan l-investiment li jlaħħaq il-€100,000 għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku fil-Belt Valletta.

“Proġett ta’ din l-għamla jifforma parti mill-istrateġija turistika għall-għaxar snin li ġejjin. Biex il-prodott Malti jibqa’ kompetittiv jeħtieġ li nkomplu nkunu proattivi u nħarsu mhux biss lejn manutenzjoni u ndafa pubblika imma lejn riġenerazzjoni kontinwa. Hija din il-mentalità li għandha tmexxina ’l quddiem biex Malta tkompli tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika fil-Mediterrran,” saħaq il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

“Għal darb’oħra huwa parti mill-impenn tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li ntejbu l-prodott turistiku tagħna minn kull aspett. Din iż-żona għandha l-potenzjal li tkun post ta’ rikreazzjoni ieħor għall-Maltin u għall-Għawdxin u fuq kollox attrazzjoni unika għat-turisti li jiġu jammiraw is-sbuħija ta’ pajjiżna,” temm jgħid iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.

Ekonomija

Sport