Sunday, December 22, 2024

FLUS GĦALL-GWERRA GĦANDHOM … GĦAL MIN HUWA BIL-ĠUĦ, LE

Aqra wkoll

Meta tibda tara kemm il-qawwa Russa u l-pajjiż Ukren qegħdin jonfqu għall-gwerra li għaddejja bħalissa u magħhom tgħodd l-għajnuniet finanzjarji minn diversi pajjiżi, b’mod speċjali mill-Istati Uniti, bla ma trid tiġik il-mistoqsija għala għad hawn il-ġuħ fid-dinja.

Qegħdin ngħidu dan minħabba l-fatt li flus għall-gwerer dejjem insibu imma biex neradikaw il-ġuħ, le. Elon Musk, l-intraprenditur meqjus bħala l-aktar raġel sinjur fid-dinja, ingħata rendikot mingħand il-Ġnus Magħquda ta’ kif $6 biljuni mill-but tiegħu, li huma porzjon mill-ġid kbir li għandu, jistgħu jeradikaw il-problema tal-ġuħ fid-dinja. L-istess Musk ftit ġimgħat wara din il-proposta mill-Ġnus Magħquda ta donazzjoni misterjuża ta’ $5.7 biljuni għall-karità, ammont li l-Programm Dinji tal-Ikel sostna li jista’ jgħin lit-42 miljun persuna li qegħdin jmutu bil-ġuħ. Fi ftit kliem, Musk, b’xi mod jew ieħor, verament irid jgħin. Imma għaliex għandu jkun persuna li bil-kapaċitajiet u l-ħidma tiegħu sar sinjur, irid ikun huwa li jdaħħal idu fil-but biex nitimgħu lil min huwa bil-ġuħ? Dan aktar meta, fil-verità, fid-dinja għandna aktar minn biżżejjed flus biex kulħadd ikollu platt sħun quddiemu.

Qegħdin ngħidu dan għax biex niffinanzjaw il-qirda, inkluża dik tal-ħajja umana, għandna flus. Fil-fatt, meta wieħed janalizza s-sitwazzjoni u jara n-numri bil-biljuni li qegħdin jintużaw bħalissa għall-gwerra fl-Ukrajna, iġib għajnejh wara widnejn u jirkbu sens ta’ disprament għala l-bniedem, minflok il-ħajja jagħżel il-mewt.

Nibdew billi nieħdu l-Ukrajna li waħidha, skont l-ammont ikkwotat mill-Gnus Magħquda biex insolvu l-problema tal-ġuħ fid-dinja, setgħet faċilment talloka dawn il-fondi. Dan wara li l-Ministru tal-Finanzi Ukren f’nofs dan ix-xahar qal li pajjiżu kien “imġiegħel” jonfoq $8.3 biljun għall-gwerra kontra r-Russja. Hawnhekk, diġà minn pajjiż wieħed solvejna l-problema tal-ġuħ. 

Imbagħad għandek ir-Russja li għalkemm l-istimi għall-gwerra mhumiex uffiċjali, huwa stmat li bejn Jannar u April għad-difiża tagħha nefqet $26.4 biljuni, aktar minn erba’ darbiet iżjed minn dak li hemm bżonn biex nitimgħu lin-nies kollha bil-ġuħ fid-dinja. S’hawnhekk, qegħdin nitkellmu dwar iż-żewġ pajjiżi fil-konflitt li, għal diversi argumenti li jipprovaw iġibu, se jippruvaw jiġġustifikaw “il-bżonn” li jonfquhom. 

Xi ngħidu imbagħad għall-pajjiżi barra l-konflitt? Il-Kungress Amerikan għadu kemm approva s-sitt pakkett finanzjarju għall-Ukrajna u l-pajjiżi l-oħra affettwati bil-konflitt. Dan waħdu jammonta għal $40 biljun. Dan ma kienx l-ewwel wieħed. Fil-fatt iċ-Ċentru tal-Istudji u Strateġiji Internazzjonali (CSIS) qal li fl-ewwel ġimgħat tal-konflitt l-Ukrajna rċeviet $30 miljun kuljum f’għajnuna militari (dan barra l-għajnuna ekonomika u umanitarja). F’April ingħataw għadd ta’ pakketti ta’ għajnuna lill-Ukrajna ta’ $800 miljun sa ma telgħu għal $100 miljun kuljum. Dawn komplew jiżdiedu biex issa laħqu l-$135 miljun kuljum. Dan is-sostenn ekonomiku għall-Ukrajna għall-gwerra ġej mill-Istati Unit, in-NATO u pajjiżi oħra, inkluż mill-Unjoni Ewropea. Din tal-aħħar waħidha b’mod ħolistiku għenet lill-Ukrajna b’total ta’ €4.1 biljun. Ftit inqas minn dak li hemm bżonn biex għal darb’oħra, neradikaw il-ġuħ fid-dinja. 

Il-figuri jitkellmu waħidhom. Il-flus biex ma jkunx hawn ġuħ fid-dinja qegħdin hemm imma minflok jintużaw għall-gwerer. Dan għala meta nafu li ta’ kuljum tfal, nisa, irġiel u anzjani huma neqsin minn essenzjal tal-ħajja? Il-bombi, l-armamenti, it-tankijiet tal-gwerra m’għandniex bżonnhom biex ngħixu. Biex ngħixu għandna bżonn l-ikel.

Dawn il-mexxejja, mill-appelli tal-Ġnus Magħquda, l-UNICEF u l-ħafna għaqdiet li jiġġieldu l-ġuħ fid-dinja, jafu li ta’ kuljum 25,000 persuna, inklużi 10,000 tfal imutu bil-ġuħ jew minn kawżi relatati. Barra minnhekk il-figuri mill-Gnus Magħquda jinkludu wkoll madwar 854 miljun persuna li huma sottonutriti u minħabba l-prezzijiet għolja tal-ikel, li issa splodew aktar minħabba l-istess gwerra, magħhom nistgħu inżidu 100 miljun persuna oħra li huma fqar u bil-ġuħ.

Ikun aħjar jekk il-bniedem jerġa’ jikkonsidra l-prijoritajiet tiegħu. Hemm bżonn li nwarrbu l-egoiżmu, ir-rebgħa għall-poter u għall-flus. Għandna naħdmu għall-paċi dinjija u naħsbu fil-proxxmu, f’dawk it-tfal li llejla se jmorru jorqdu bil-ġuħ ħalli sadanittant inkomplu bil-gwerer li qegħdin jeqirdu lid-dinja u joqtlu lil ħutna.

Ekonomija

Sport