Flus kontanti ta’ bejjiegħ tal-karozzi li qabżu l-€240,000 f’sitt xhur flimkien mal-fatt li kien hem nuqqasijiet fis-sors ta’ dħul ta’ uħud mill-klijenti, kienet waħda mir-raġunijiet għaliex il-Il-Financial Intelligence and Analysis Unit (FIAU) immultat lill-kumpanija C2D Payment Solutions Limited €243,537. Il-kumpanija inżammet responsabbli għal diversi nuqqasijiet fosthom dwar is-sors tad-dħul ta’ uħud mill-klijenti.
Rapport mill-FIAU jgħid li “l-kumpanija naqset milli tiġbor informazzjoni biex tistabbilixxi l-impjiegi tal-klijenti tagħha, u l-livell antiċipat ta’ attività, dan sa Diċembru tas-sena 2022, meta bdiet tiġi implimentata proċedura riveduta u tali informazzjoni bdiet tintalab permezz ta’ kwestjonarju. Ġie innotat b’mod pożittiv li wara Diċembru tas-sena 2022 il-kumpanija bdiet reviżjoni sensittiva għar-riskju sabiex tiġbor din l-informazzjoni mingħand il-klijenti. Il-kumpanija fil-fatt spiċċat ġabret l-informazzjoni adekwata li tistabbilixxi l-profil tal-klijenti għal 44 fil-mija tal-fajls riveduti.”
Ir-rapport qal li “l-Kumpanija bdiet tqassam il-formola magħrufa bħala SoW biss minn Diċembru tas-sena 2022 u mhux lill-klijenti kollha, dan wassal għal nuqqasijiet serji f’madwar 48 fil-mija tal-fajls li kienu ġew riveduti. Dan minħabba li kien hemm klijenti li jew naqsu milli jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa jew inkella, il-klijenti pprovdew informazzjoni ġenerika li tat ftit jew xejn valur biex verament tifhem lill-klijent. Kien hemm klijent li ddepożita aktar minn €200,000 fi flus kontanti bejn is-sena 2021 u s-sena 2023. Biss il-kumpanija naqset milli tiġbor xi informazzjoni dwar l-okkupazzjoni jew il-faxex tad-dħul tiegħu”.
Ir-rapport jgħid li kien hemm klijent li l-Kumpanija kellha screenshots fil-fajl li jindikaw li l-klijent huwa bejjiegħ fis-settur tal-proprjetà. Biss dawn l-screenshots ma indikawx id-dħul mistenni. Barra minn hekk, dawn l-screenshots ma kinux datati u għalhekk id-data meta ttieħdu ma setgħetx tiġi ddeterminata. Ġie nnutat li ġiet ipprovduta wkoll kopja ta’ rendikont bankarju, liema rendikont wera bilanċ ta’ aktar minn €100,000, imma dan xorta ma indikax id-dħul tal-klijent. Dan l-istess klijent tħalla jiddepożita aktar minn €240,000 fi flus kontanti”.
L-istess rapport jgħid li kien hemm klijent ieħor li kien involut f’negozju tal-karozzi, iżda l-kumpanija naqset milli tiġbor xi informazzjoni dwar il-qligħ tal-klijent. Apparti dan id-depożiti fi flus kontanti tal-klijent qabżu l-€240,000 f’madwar sitt xhur.”