Ilbieraħ fil-jum importanti madwar id-dinja, World Cancer Awareness Day, tkompli titqajjem aktar kuxjenza dwar il-marda tal-kanċer. Din il-marda ma tħarisx lejn uċuħ, tista’ taffettwa kull età u tista’ taffettwa kull parti tal-ġisem. Fortunatament l-avvanzi fil-mediċina u kirurġija qegħdin itejbu r-riżultati ta’ trattamenti varji.
F’Malta il-Gvern għandu viżjoni ċara ta’ kif il-poplu għandu jilqa’ għal din il-marda, viżjoni li fost l-oħrajn, hija allinjata mal-pjan tal-Kunsill Ewropew ‘Beating Cancer Plan’. L-istrateġija tal-Gvern tikkonsisti f’dan li ġej:
1. Prevenzjoni: Permezz ta’ estensjoni f’servizzi mediċi fil-Kura Primarja, qed jiġu provduti aktar opportunitajiet biex persuni ikollhom kuntatt mat-tabib tal-familja, fejn għandu aktar faċilità li direttament jordna testijiet bħal analiżi tad-demm, testijiet tal-ippurgar u testijiet għal Ultrasound. Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika nieda wkoll kampanja għal strateġija ġdida ta’ Non-Communicable Diseases (NCD) li tinkludi l-obeżità, li hija riskju għall-kanċer. Il-Gvern se jkompli jinvesti u jimbotta fit-tilqim kontra HPV fiż-żgħażagħ biex jiġi eradikat il-kanċer tal-għonq tal-utru fin-nisa, u kanċers oħra relatati.
2. Dijanjosi: L-isforzi tal-Gvern biex itejjeb it-tagħmir sabiex issir dijanjosi eżatt u f’waqtha, huwa rifless f’investiment b’saħħtu u kontinwu f’tagħmir ta’ MRI, CT Scan, Mammography, Ultrasound, PET-CT, SPECT CT u endoskopiku fis-siti tiegħu ġewwa l-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali f’Għawdex u fid-Day Hospital f’San Vinċenz. L-iscreening Unit ser ikun rilokat u ser ikun qed inaqqas wkoll l-etajiet għal screening tal-kanċer tal-musrana u tas-sider. Dan il-Unit, ħa jintroduċi screening strutturat għal tumuri tal-pulmun, prostata u frixa.
3. Trattament: Il-Gvern għadu kif investa f’apparat MR Linac sofistikat u uniku fir-reġjun, u ser ikun qed jinvesti f’tagħmir ieħor tar-radjoterapija. Il-Gvern investa wkoll f’tagħmir għal kirurġija robotika u qed jinvesti f’Ċentru tal-Prodotti tad-Demm u Tessuti. L-inklużjoni ta’ mediċini ġodda onkoloġiċi fil-formularju tal-Gvern qed isir b’mod regolari.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela sellem lill-pazjenti li jbatu bil-marda tal-kanċer u l-għeżież tagħhom u esprima gratitudni lill-kollegi professjonisti li jieħdu ħsiebhom. “Konvint li bil-viżjoni li għandna u permezz ta’ budget b’saħħtu, ser inkomplu nagħmlu differenza fl-aspetti ta’ prevenzjoni, dijanjosi u kura. Huwa kruċjali li nkomplu ninvestu mhux biss fit-tagħmir, imma anke fit-taħriġ tal-professjonisti tagħna li dejjem joffru servizz b’dedikazzjoni,” temm jgħid il-Ministru Abela.