Friday, December 27, 2024

F’Marzu għaddew mill-ajruport 487,117-il passiġġier

Aqra wkoll

Marzu ġab fi tmiemu l-ewwel kwart l-aktar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif fl-ewwel tliet xhur tas-sena laqa’ xejn inqas minn  1,245,525 passiġġier. Minn dawn, 487,117-il passiġġier għaddew mill-ajruport matul ix-xahar ta’ Marzu, jiġifieri żieda ta’ tnejn fil-mija fuq il-figuri ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.

Din iż-żieda fil-movimenti tal-passiġġieri kienet riżultat ta’ domanda għall-ivvjaġġar li kompliet tiżdied u dan kien rifless ukoll f’seat load factor (SLF) b’saħħtu fl-aħħar xhur. B’żieda ta’ 2.2 fil-mija fuq l-istess xahar tal-2019, is-SLF f’Marzu ammonta għal 83.5 fil-mija.

L-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja baqgħu l-aktar swieq popolari hekk kif flimkien ammontaw għal 63 fil-mija tat-traffiku kollu li għadda mill-ajruport f’Marzu. Minn dawn l-aktar ħamest iswieq importanti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja biss għadhom ma laħqux il-figuri tal-2019, filwaqt li s-swieq l-oħra rreġistraw livelli differenti ta’ tkabbir.

Ħarsa aktar fid-dettall lejn il-Ġermanja turi kif, filwaqt li l-ammont ta’ passiġġieri minn u lejn dan is-suq għadu inqas mil-livelli milħuqa qabel il-pandemija, titjib ta’ 90% fis-SLF wassal biex din id-destinazzjoni taqbeż lil Franza u ssib postha bħala t-tielet l-aktar suq popolari. Il-konnettività ta’ Malta mal-Ġermanja se tkompli tissaħħaħ fis-sajf biż-żieda ta’ tliet rotot fuq dawk offruti fix-xitwa li għaddiet, liema rotot mistennija jżidu d-domanda għal dan is-suq.

Ekonomija

Sport