Persuna oħra li tat ix-xhieda tagħha fil-kumpilazzjoni ta’ Bernice Cassar kontra l-imputat Roderick Cassar huwa missier il-vittma.
F’Mejju li għadda, f’okkażjoni minnhom Bernice u żewġha kellhom argument minħabba li l-imputat ried li jmorru Għawdex mal-familja tiegħu filwaqt li l-vittma ma riditx tmur. Tant kemm żewġha beda jgħajjat magħha u jsawwatha li saħansitra ħarbitilha l-awrina bil-biża’. Malli ġieha ċ-ċans ħarbet minn taħt il-qilla ta’ żewġha u sabet refuġju għand zijitha. Fl-istess jum, Roderick għamlilha sikkina m’għonqha u heddidha li joqtolha biha.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Joseph Cilia li spjega wkoll kif bintu, f’jum minnhom ċemplitlu tibki biex imur għaliha d-dar il-Qrendi. Meta wasal fuq il-post staqsa lir-raġel ta’ bintu għalfejn aġixxa b’dak il-mod. Fil-pront, Roderick qallu: “għax jien vulkan, mhux bħalek.”
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.