Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg, flimkien mal-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan, nedew fond ta’ mitt elf ewro biex jiġu megħjuna proġetti u inizjattivi ta’ għaqdiet volontarji fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li din l-inizjattiva għandha l-għan li tinvolvi l-għaqdiet volontarji f’diversi ħidmiet biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Hija qalet li b’dan il-programm ta’ fondi, ser jassiguraw azzjonijiet u ħidmiet sostnuti ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika li jmorru lil hinn mill-kampanja annwali ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu li ssir dejjem f’dan iż-żmien tas-sena.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li fiduċjuża li ser ikunu sottomessi numru sabiħ ta’ proġetti biex dan il-fond ta’ mitt elf ewro jittieħed kollu bil-ħsieb li l-2025 tkun sena ta’ attiviżmu li tagħmel differenza biex ifejqu l-pjaga tal-vjolenza domestika.
Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan, qalet li l-applikazzjonijiet iridu jsiru skont il-linji gwida ta’ dan il-programm imsejjaħ Together we Empower. Hija qalet ukoll li l-proġetti jridu jirriflettu l-prijoritajiet ta’ dan il-programm u jinkwadraw fl-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Il-proġetti li jintgħażlu jridu jsiru bejn April u Ottubru tas-sena d-dieħla u kull proġett ser ikun qed jirċievi sa għaxart elef ewro minn dan il-fond.
Samantha Pace Gasan qalet li din is-sejħa għall-applikazzjonijiet hija miftuħa għall-għaqdiet kollha reġistrati mal-Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji. B’hekk qegħdin nagħtu tifsira lill-messaġġ Flimkien Nieqfu- Flimkien Infiqu li ntgħażel għall-kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.