Il-mewt tar-Reġina Eliżabbetta II qajjem għadd ta’ reazzjonijiet f’pajjiżna, l-aktar wara li kien hemm min beda jistaqsi jekk għandux isir monument lir-Reġina f’Malta. Kien hemm opinjonijiet imħalltin, fejn ma kienux ftit dawk li ma qablux li jsir monument, għalkemm dawn bdew jaqblu li Villa Guardmangia fejn għexet ir-Reġina Eliżabbetta II meta kienet f’Malta għandha tkun restawrata bħala memojrja tagħha. Dan is-sit jinsab infurmat li filfatt bħalissa għaddejja ħidma biex issir applikazzjoni għal fondi Ewropej biex jkun jista’ jibda proġett ambizzjuż u estensiv li se jagħti l-ħajja lill-Villa u fuq kollox ġieħ lill-memorja tar-Reġina Elizabetta II.
Sorsi li tkellmu ma’ talk.mt qalulna li l-ħsieb hu li dan il-proġett jitwettaq f’din il-leġiżlatura u għalhekk ifisser li Villa Guardamangia se tkun qed tingħata l-glorja tagħha fi żmien qasir. L-istess sorsi spjegawlna li għaddej xogħol estensiv marbut ma’ din il-villa fosthom studji u dokumentazzjoni biex finalment isir il-proġett tar-restawr.
Ta’ min jgħid li l-Gvern lura fl-2019 kien intervjena sabiex jakkwista Villa Guardamangia mingħand il-privat wara li din l-propjetà b’valur storiku tant b’saħħtu kienet fi stat ta’ abbandun komplet u akut għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Fl-2020 din il-proprjetà ghaddiet għand Heritage Malta.”
Wara li ġiet akkwistata l-proprjetà mill-Istat Malti, mill-ewwel inbdew xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni sabiex il-villa ma tibqax tiġġarraf. Dan hu xogħol li għadu għaddej, flimkien ma’ studji u dokumentazzjoni bi preparament għal tfassil ta’ proġett ta’ restawr.
Sorsi infurmaw lil dan is-sit li “b’hekk issa l-Aġenzija Heritage Malta qegħda tipprepara sabiex tapplika għal fondi Ewropej taħt il-programm il-ġdid ħalli jkun jista’ jibda dan il-progett ambizzjuz u estensiv li se jagħti l-ħajja lill-villa u fuq kollox ġieħ lill-memorja tar-Reġina Elizabetta II.”
Irid jingħad li din il-villa se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja għax fiha għexet u qattgħet l-isbaħ żmien ta’ ħajjitha ir-Reġina. Villa Gwardamanġa hi l-uniku proprjetà barra r-Renju Unit li fiha r-Reġina għexet għal xi żmien.
Il-Gvern Malti xtara Villa Guardamanġa għal €6 miljun u hu kkalkulat li hemm bżonn madwar €11-il miljun biex isir il-proġett ambizzjuż ta’ restawr u li jagħti ġieħ lill-memorja tar-Reġina Eliżabbetta II. L-istess sorsi qalulna li “mal-kisba tal-fondi l-mira hi li dawn ix-xogħlijiet isiru matul il-leġiżlatura kurrenti.” Ir-Reġina Eliżabbetta II meta kienet prinċipessa għexet f’Malta ma’ żewġha l-Prinċep Filippu li kien stazzjonat hawn bħala uffiċjal tal-Qawwa Navali Ingliża. Huma għexu fiha għal sentejn sas-sena 1951.