Saturday, November 23, 2024

Fondi Ewropej għal aktar opportunitajiet edukattivi

Aqra wkoll

Il-proġett iffinanzjat b’fondi Ewropej intitolat ‘Further Studies Made Affordable’, amministrat mill-Bank of Valletta u l-Malta Development Bank permezz tal-iskema BOV Studies Plus+, se jkun qed jgħin finanzjarjament lill-individwi li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta jew f’pajjiżi oħra.

“Dawn il-fondi Ewropej se jkunu ta’ sostenn biex kulħadd ikollu l-opportunità javvanza fil-karriera tiegħu. Investiment fl-edukazzjoni tan-nies huwa investiment fil-pajjiż, biex Malta tkompli timxi ‘l quddiem.”

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza stampa ma’ Rene Saliba, CEO tal-Malta Development Bank, flimkien ma’ Albert Frendo, Chief Credit Officer tal-Bank of Valletta.

Dawk il-persuni li kienu qed isibuha diffiċli biex ikomplu jistudjaw minħabba problemi finanzjarji se jkollhom il-faċiltà li jissellfu taħt l-iskema BOV Studies Plus+ biex ikunu jistgħu jagħmlu korsijiet ta’ tagħlim full-time, part-time jew distance learning li jwasslu għal-livelli MQF 5, 6, 7 jew 8 jew kwalifiki oħra rikonoxxuti internazzjonalment. Il-benefiċjarji ta’ din l-iskema mhumiex se jkunu mitluba jibdew iħallsu lura s-self waqt il-perjodu tal-istudji (liema perjodu jista’ jkun ta’ massimu ta’ ħames snin). Ir-rata ta’ interessi f’dan iż-żmien ha tkun żero, u l-ewwel pagamenti jibdew iseħħu minn sena wara li l-istudenti jkun temmew l-istudji tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ fondi Ewropej, qed inkomplu ninvestu fin-nies. Huwa spjega li minħabba suċċess ta’ din l-iskema issa żidna miljun ewro maż-żewġ miljun ewro f’fondi Ewropej li kienu oriġinarjament allokati. Dawn se jagħtu opportunità lil madwar 180 persuna biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-faċilitajiet finanzjarji.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi kompla jgħid li l-Unjoni Ewropea qed tħares lejn aktar żvilupp fl-ekonomija diġitali li se jkun qed iġib bidla wkoll fl-ekonomija b’mod ġenerali –  b’hekk irridu ninċentivaw lil aktar persuni biex ikomplu jistudjaw u jżommu ruħhom aġġornati ma’ dawn il-bidliet.

Permezz ta’ dawn it-€3 miljun, ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, u li ser iservu ta’ garanzija u biex ikopru r-rati ta’ interessi tal-ewwel snin, il-BOV se tkun tista’ tipprovdi self ta’ madwar €8.25 miljun sabiex tgħin aktar studenti u professjonisti jkomplu jinvestu fl-edukazzjoni tagħhom.

Sport