Friday, January 23, 2026

Fondi Ewropej għal proġett pilota dwar Housing Affordabbli

Stefan Zrinzo Azzopardi, Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Il-Gvern ser jalloka fondi Ewropej mill-pakkett li ngħatat Malta biex isir proġett pilota dwar il-Housing affordabbli.

Dan ħabbru fil-Parlament, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li se jkun qed jimplimenta l-miżuri tal-Budget għal din is-sena.

Il-Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa għaddejja b’eżerċizzju magħruf bħala l-mid-term review, biex tara kif l-istati Membri jkunu jistgħu idawwru xi fondi allokati lejn prijoritajiet ġodda li l-pajjiżi rispettivi jħossu li jkunu utli għalihom. Malta talbet li madwar €10 miljuni minn dawn il-fondi jintużaw biex flimkien mal-Fondazzjoni dwar Housing Affordabbli li l-Gvern waqqaf mal-Knisja, jitħejja programm ta’ Proġett Pilota  dwar il-Housing Affordabbli. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-Gvern Laburista se jkompli jaħseb f’kulħadd u jrid li jissaħħaħ dak li huwa meħtieġ fil-pajjiż biex ikun hawn aktar housing affordabbli. Il-pajjiż, minbarra l-housing soċjali irid ikompli jaħdem biex jiżdiedu l-opportunitajiet għal min irid jixtri d-dar tiegħu bi prezzijiet affordabbli.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar kif Gvern Laburista sena wara l-oħra jibni fuq budget wara l-ieħor biex jara li l-akbar firxa ta’ Maltin itejbu d-dħul tagħhom, itejbu l-kwalita tal-ħajja tagħhom u biex dawk kollha li jridu jaħdmu jaħtfu l-opportunitajiet li l-ekonomija b’saħħitha ta’ Malta qed toffrilhom.

Bil-maqlub ta’ dak li qed jiġri fi stati oħra Ewropej, Malta qed tkabbar l-ekonomija tagħha u qed tirreġistra suċċess ekonomiku wara l-ieħor. Fakkar, li biex il-pajjiż jitkellem fuq it-tqassim tal-ġid l-ewwel irid joħolqu u mbagħad jara li dan il-ġid jasal għand kulħadd. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr li l-budget mhuwiex eżerċizzju ta’ accounting biss imma strument li jkompli jagħti direzzjoni lill-pajjiż biex joħloq dik iċ-ċertezza ta’ ambjent ekonomiku b’saħħtu li jħajjar aktar investiment. Il-fiduċja li nħolqot fl-ekonomija ta’ pajjiżna, qal il-Ministru hija essenzjali biex l-ekonomija tkompli miexja ‘l quddiem.

Bħala eżempju tas-saħħa tal-ekonomija Maltija il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma l-qasam tal-impjiegi fejn statistika qed turi li sa Awwissu li għadda f’Malta kien hawn 298,738 impjegati full-time. Huwa qal li dan juri żjieda ta’ aktar minn 4% fuq Awwissu tas-sena ta’ qabel.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li kisba kbira ta’ Gvern Laburista hija l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol fejn sa Awwissu li għadda, kien hemm kważi 119-il elf mara jaħdmu full-time. Huwa qal li dan kien riżultat ta’ deċiżjonijiet tajbin li ttieħdu li iffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku li fih innifsu iwassal għall-ħolqien tax-xogħol.

Id-deċiżjonijiet tajbin ittieħdu wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis fit-taxxi u l-istabbilita fil-prezzijiet tal-enerġija. Huwa spjega kif minkejja li l-Gvern naqqas it-taxxi bit-tax cuts, xorta rnexxielu jkompli jkabbar id-dħul tiegħu filwaqt li n-nies kellhom aktar flus fil-bwiet u komplew jagħtu spinta lill-ekonomija tal-pajjiż. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-pjan tal-Gvern Laburista mhuwiex wieħed sal-elezzjoni jew għal dis-sena imma qed jippjana il-futur tal-pajjiż permezz tal-Vision 2050. Permezz ta’ din il-viżjoni il-pajjiż irid jara li jkompli jibni fuq is-suċċessi miksuba permezz ta’ aktar deċiżjonijiet tajbin li jwasslu biex ikomplu jissahhu l-familji Maltin u Għawdxin. Il-Partit Laburista huwa l-forza politika tal-ħolqien tax-xogħol għal kulħadd, tal-ġustizzja soċjali, u li jaħdem għal soċjeta inklussiva li tgħin lil dawk l-aktar dgħajfa jimxu ‘l quddiem u li fiha ħadd ma jkun imwarrab. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport