Il-fondi tal-Unjoni Ewropea f’Malta kellhom rwol ewlieni biex isaħħu l-ħidma u l-impenn tal-imsieħba soċjali u fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali. Fl-allokazzjoni lil Malta għall-budgets bejn l-2014 u l-2027, l-unjins, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u diversi korpi konsultattivi setgħu jinvestu fir-riċerka, it-taħriġ u l-involviment tal-partijiet interessati. Investimenti li mingħajr l-għajnuna tal-fondi Ewropej kien se jkun diffiċli li jseħħu.
Il-koordinazzjoni tal-Gvern permezz tad-Diviżjoni għall-Fondi u Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, kienet u tibqa’ essenzjali biex l-użu tal-fondi jsir b’mod effiċjenti, sabiex il-proċessi tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni jimxu mingħajr xkiel. Il-Gvern qed jiżgura li l-fondi jkunu aċċessibbli, trasparenti u orjentati lejn il-bżonnijiet reali tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà kollha. L-impenn jibqa’ li kull opportunità offruta mill-Unjoni Ewropea tinbidel f’benefiċċju reali għall-Maltin u l-Għawdxin, biex b’hekk pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-progress soċjali u ekonomiku tiegħu.
Matul il-perjodu 2014-2020, ġew investiti madwar €2.2 miljun f’fondi mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u minn programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali. Benefiċjarji ewlenin kienu l-General Workers’ Union, il-Kamra tal-SMEs, l-MHRA u l-MCESD. Il-proġetti ffukaw fuq diversi oqsma fosthom it-tnaqqis tal-faqar u promozzjoni ta’ pagi ġusti, taħriġ għall-istaff fuq komunikazzjoni strateġika, bini ta’ kapaċità organizzattiva interna, kif ukoll studji tematiċi dwar is-sostenibbiltà tas-setturi ekonomiċi.
Barra minn hekk, diversi msieħba soċjali ħadu sehem f’programmi ta’ kooperazzjoni territorjali bħall-Interreg MED, Interreg Europe u Italia-Malta. Dawn l-inizjattivi appoġġjaw il-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, ir-riċerka konġunta u l-iskambju ta’ prattiki tajbin, filwaqt li saħħew aktar il-governanza lokali u reġjonali. Appoġġ addizzjonali ngħata wkoll permezz tal-fondi Norveġiżi u taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA).
Dan ifisser li matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ġew investiti madwar €540,000 mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF), €1.4 miljun permezz tal-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali, kif ukoll aktar minn €210,000 f’appoġġ addizzjonali mill-fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA) u tan-Norveġja.
Il-futur joffri aktar opportunitajiet permezz ta’ programmi ġodda ta’ kooperazzjoni territorjali bħall-Interreg. Sa issa ġew assigurati madwar €736,000 għal entitajiet bħall-Malta Chamber of SMEs, ir-Reġjun Tramuntana u l-Local Council Association.
Taħt il-Programm ESF+, ġie introdott Għan Speċifiku b’allokazzjoni ta’ €3 miljun iddedikati għat-taħriġ tal-imsieħba soċjali. Dan jinkludi taħriġ, networking u inizjattivi konġunti li għandhom l-għan li jsaħħu l-għarfien, il-ħiliet u l-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ tfassil tal-politika. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali għandhom l-opportunità japplikaw għal sejħiet oħra tal-ESF+ sabiex ikomplu jikkontribwixxu għall-politiki relatati mal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.
Il-koordinazzjoni tal-Gvern kienet u tibqa’ essenzjali biex l-użu tal-fondi Ewropej isir b’mod effiċjenti, sabiex il-proċessi tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni jimxu mingħajr xkiel. Permezz ta’ dan l-approċċ, il-Gvern qed jiżgura li l-fondi jkunu aċċessibbli, trasparenti u orjentati lejn il-bżonnijiet reali tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà kollha. L-impenn jibqa’ li kull opportunità offruta mill-Unjoni Ewropea tinbidel f’benefiċċju reali għall-Maltin u l-Għawdxin, biex b’hekk pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-progress soċjali u ekonomiku tiegħu.
B’dawn l-investimenti, il-fondi tal-UE qegħdin jikkontribwixxu b’mod dirett biex il-vuċi tal-imsieħba soċjali f’Malta tkun aktar qawwija u effettiva, filwaqt li jissaħħu wkoll l-istrutturi nazzjonali tad-djalogu u l-governanza.