Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda r-restawr tal-kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas b’investiment ta’ madwar €130,000, ko-finanzjati b’fondi Ewropej. Id-dettalji dwar il-proġett tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, mis-Segretarju Amministrattiv tal Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u mill-Arċipriet taż-Żejtun Dun Nicholas Pace.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-istruttura tal-kappella ddeterjorat ħafna minħabba dħul ta’ ilma mis-saqaf u l-umdità. B’dan l-investiment se jinbnew ħames strutturi fuq in-naħa tan Nofsinhar tal-kappella biex jissaħħaħ il-ħajt u b’hekk jissaħħu l-ħnejjiet tas-saqaf tal-kappella. Dan l-intervent iwaqqaf il-ħajt milli jkompli jiċċaqlaq u tieqaf il-ħsara li qed jikkaġuna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il proġett, il-fondi Ewropej qed jaslu direttament għand in-nies, fejn b’ dawn ix-xogħlijiet din il kappella se tiġi restawrata għall-isbuħija oriġinali tagħha. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li fondi Ewropej qed jgħinuna nżommu mar-responsabbiltajiet tagħna biex nippreservaw dak li ħallewlna missirijietna ħalli jgawduh dawk kollha li se jiġu warajna.
“Dan il-proġett li jifforma parti minn proġett ferm ikbar qed jagħtina l-opportunità li nieħdu ħsieb dak li huwa Malti”, saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qal li dan il-proġett fiż Żejtun jagħmel parti mill-kullana ta’ xogħol ta’ konservazzjoni u restawr bla preċedent li l Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq b’fondi tal-Unjoni Ewropea. Saħaq li dawn ix-xogħlijiet fuq diversi opri tal-arti u knejjes qed jagħtu ħajja mill-ġdid lill-patrimonju reliġjuż ta’ pajjiż sabiex dan jitgawda mill-Maltin u mit-turisti. F’isem il-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross irringrazzja lis-Segretarjat għall-Fondi Ewropej u lill-konsulenti EMCS għall ħidma tagħhom. Ħabbar li dalwaqt se joħorġu t-tenders ta’ dawn il-proġetti sabiex is-sena d-dieħla jibda r-restawr.
L-Arċipriet Dun Nicholas Pace qal li din il-kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas kienet il-knisja ewlenija ta’ Ħal Biżbud, meta dak iż-żmien kienet qegħda tinbena l-knisja arċipretali taż-Żejtun iddedikata lil Santa Katarina. Hu spjega kif fl-1850, ir-rettur Dun Giovanni Tabone rrestawra l-kappella u poġġa relikwa tal-martri San Amabile taħt l-artal prinċipali, fejn kien diġà hemm orgni kif ukoll qanpiena magħmula fl-1782 mill-aħwa Triganza. Dun Nicholas Pace stqarr li minħabba dawn il-fatturi “se nkunu qegħdin nirrestawraw kappella storika oħra”.