Thursday, December 11, 2025

Fondi għal manutenzjoni u sostenn ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern ċentrali

Aqra wkoll

Diversi Kunsilli Lokali se jingħataw fondi addizzjonali, permezz tal-iskema tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, għal manutenzjoni u sostenn ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali fil-lokalità rispettiva tagħhom.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Emile Vassallo. Ġie spjegat kif din l-iskema hija parti min-numru ta’ skemi oħra li joffru fondi addizzjonali lill-Kunsilli u li nħolqot sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu  jistgħu jwettqu l-manutenzjoni neċessarja għall-ġid tal-lokalità tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din l-iskema nħolqot wara li proġetti mwettqa matul is-snin kienu qegħdin jintelqu għal riħhom, dan għaliex il-Kunsilli ma kellhomx il-fondi neċessarji sabiex jagħmlu l-manutenzjoni  b’mod regolari.

“Permezz ta’ din l-inizjattiva qed inkunu proattivi sabiex l-investiment li jkun sar jibqa’ jiġi salvagwardjat u l-proġetti li jkunu saru ma jiġux mitluqa. Ħadd ma jrid li l-valur tal-investiment li jkun sar f’dawn il-proġett jisfaxxa fix-xejn. Dan jallinja wkoll mal-mixja tal-Kunsilli Lokali lejn il-Viżjoni Malta 2050,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. 

Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li l-manutenzjoni fuq spazji u postijiet pubbliċi, speċjalment ġonna, ċentri rikreattivi, bandli u oħrajn huma parti importanti mhux biss għat-tisbiħ tal-proġetti imma wkoll għas-sigurtà tar-residenti.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali Emile Vassallo, qal kif din l-iskema li issa tinsab fis-seba’ sena tagħha se terġa’ tara diversi Kunsilli Lokali jibbenefikaw minn dan il-fond. Qal kif dan huwa pass importanti li qed isir mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali sabiex l-iżvilupp ta’ spazji miftuħa fil-lokalitajiet jibqgħu jitgawdew għal żminijiet twal. 

“Permezz ta’ din l-iskema qed naraw li dawk il-proġetti maġġuri li saru fil-passat, jibqgħu jiġu preservati u miżmuma fl-aħjar kundizzjonijiet. Għalhekk din l-iskema hi mmirata għal dawk il-Kunsilli li fil-lokalità tagħhom sar xi proġett maġġuri li mbagħad għadda f’idejn il-Kunsill, sabiex permezz ta’ dawn il-fondi jkunu jistgħu jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa,” qal id-Direttur Ġenerali. Huwa temm jgħid li l-investiment għal dawn il-proġetti ta’ manutenzjoni se jkun ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro.

Intant, fost il-proġetti magħżula hemm manutenzjoni ta’ culverts, tħawwil ta’ siġar ġodda, installazzjoni ta’ bankijiet, żoni miftuħa ta’ attività fiżika, bandli għat-tfal, installazzjoni ta’ fanali tat-toroq, fost affarijiet oħra. Il-lokalitajiet huma: il-Mosta, Birkirkara, Ħal Għargħur, Ħal Lija, il-Gudja, Marsaxlokk, Paola, l-Imqabba, in-Nadur, ix-Xagħra u ż-Żebbuġ Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport