Saturday, December 21, 2024

Football: Franza v Arġentina fil-kwarti-finali

Aqra wkoll

L-organizzaturi Franza se jilagħbu kontra l-Arġentina fil-kwarti-finali tat-tournament tal-football Olimpiku tal-irġiel wara li kkwalifikaw għall-aħħar tmienja billi għelbu lil New Zealand 3-0 fi Grupp A.

L-attakkant ta’ Crystal Palace, Jean-Philippe Mateta (19), skorja l-ewwel goal għal Franza li kienu dominanti tant li rreġistraw 34 xutt għad-disgħa ta’ New Zealand li ma damux ma sabu ruħhom taħt pressjoni bla waqfien hekk kif l-ospiti fittxew li jżidu aktar goals.

Huma rnexxielhom iżommu sal-71 minuta, iżda d-difiża tal-Kiwis eventwalment ċediet u Desire Doue tefa’ fix-xibka mill-viċin qabel ma Arnaud Kalimuendo (74) issiġilla r-rebħa minn ħarba veloċi.

Franza spiċċaw il-fażi tal-gruppi wara li rebħu t-tliet partiti meta għelbu lill-Istati Uniti u l-Guinea.

Dan l-aħħar kien hemm animożità bejn Franza u l-avversarji tagħhom tal-kwarti-finali wara li players Arġentini ġew iffilmjati jkantaw kanzunetta dispreġġjattiva dwar il-players suwed ta’ Franza wara li rebħu l-Copa America, fl-14 ta’ Lulju.

Fl-Olimpjadi, il-players tar-rugby sevens tal-Arġentina ġew ibbuwjati f’kull partita tagħhom, bil-partitarji Franċiżi urtati bl-imġieba tal-players tal-football Arġentini.

Mill-istess Grupp A riżultat simili ta’ 3-0 kisbuh l-Istati Uniti fuq il-Guinea biex huma wkoll għaddew komdi meta l-goals ġew minn Djorde Mihailovic (14) u doppjetta minn Kevin Paredes (31, 75).

L-Arġentina u l-Marokk għaddew minn Grupp B fejn il-Bluceleste rebħu 2-0 kontra l-Ukrajna b’goal kmieni fit-tieni taqsima u ieħor tard li  ġew minn Thiago Almada (47) u Claudio Etcheverri (90).

Il-Marokk rebħu 3-0 kontra l-Iraq bil-goals jiġu minn Amir Richardson (19), Sofiane Rahini (18) u Abde Ezzal­zouli (36).

Spanja sofrew telfa xokkanti ta’ 2-1 kontra l-Eġittu u spiċċaw bħala runners-up fi Grupp Ċ, bl-avversarji tagħhom qabżuhom biex spiċċaw fil-quċċata.

Spanja kellhom jistennew sal-aħħar minuta tal-ħin normali biex inaqqsu l-iskor b’goal ta’ Samu Omorodion (90) wara żewġ goals ta’ Ibrahim Adel (40, 62) għall-Marokk li ħarġu rebbieħa 2-1.

Fil-logħba l-oħra r-Repubblika Dominikana u l-Uzbe­kistan, li t-tnejn naqsu milli jikkwalifikaw, spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Il-Ġappun u l-Paragwaj kisbu rebħiet ta’ 1-0 fuq Iż­rael u l-Mali biex anke huma għaddew għall-kwarti-finali b’tal-ewwel jgħaddu b’punti massimi.

Ir-rebħiet ġew b’mod kuntrastuż għax il-Ġappuniżi skor­jaw il-goal tagħhom minn Mao Hosoya fid-90 minuta u l-Paragwaj rebħu b’goal kmieni wara ħames minuti minn Marcelo Fernandez.

Il-kwarti-finali jintlagħbu għada kif ġej:

Franza v Arġentina; Eġittu Paragwaj; Marokk v Stati Uniti; Ġappun v Spanja.

Ekonomija

Sport